Saturday, December 21, 2024

Il-missili Iranjani lejn ir-Russja biddlu d-dibattitu dwar il-gwerra fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Il-kunsinna ta’ missili Iranjani lir-Russja biddlet għal kollox id-dibattitu dwar jekk l-Ukrajna tużax missili ta’ distanzi twal ipprovduti mill-Punent kontra miri ġewwa r-Russja. L-Istati Uniti u r-Renju Unit ma kienux tawx permess lill-Ukrajna biex tuża dawn il-missili miri ġewwa r-Russja minħabba l-biża’ li l-gwerra teskala aktar.

Is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin Ingliż, David Lammy vvjaġġa lejn il-kapitali Ukrena mas-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken wara taħditiet f’Londra. Huma ltaqgħu mal-President Ukren Volodymr Zelensky, li ripetutament qed jitlob lill-alleati biex inaqqsu l-limiti fuq l-użu tal-armi fornuti mill-Punent.

F’konferenza tal-aħbarijiet Blinken tenna li l-fatt li r-Russja akkwistat missili ballistiċi mill-Iran, se jkompli jagħtuha s-setgħa għal aktar aggressjoni fl-Ukrajna.
Min-naħa tiegħu, David Lammy ma kienx lest jiżvela jekk l-Istati Uniti u r-Renju Unit humiex se jippermettu lill-Ukrajna tuża missili ta’ distanzi twal, iżda qal li huwa m’huwiex lest li jagħti l-vantaġġ lil President Russu Vladimir Putin.

Fl-istess waqt Biden qed jikkunsidra li jneħħi r-restrizzjonijiet. Nhar l-Erbgħa, Zelensky qal li r-rebħa ta’ Kyiv fil-gwerra kontra r-Russja tiddependi l-aktar fuq l-appoġġ tal-Istati Uniti.

Skont il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren, Andrii Sybiha, il-passi lejn it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-missili fuq medda twila huma importanti fil-kuntest ta’ rapporti ta’ trasferiment possibbli ta’ missili ballistiċi lejn ir-Russja mill-Iran.

Ir-Renju Unit se jipprovdi £600 miljun f’għajnuna lill-Ukrajna biex tappoġġja l-ħtiġijiet umanitarji, tal-enerġija u l- stabbilizzazzjoni tal-pajjiż. L-Istati Uniti ħabbar $700 miljun oħra f’assistenza lill-Ukrajna, inkluż finanzjament għas-settur tal-enerġija u t-tneħħija tal-mini.

L-għajnuna l-ġdida waslet wara li l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza u l-Ġrmanja imponew aktar sanzjonijiet fuq l-Iran talli pprovda lir-Russja b’missili ballistiċi għall-użu fl-Ukrajna.

Aktar kmieni din is-sena, l-Istati Uniti neħħew xi wħud mill-miżuri tat-trażżin, u ppermettew lill-Ukrajna tuża missili ta’ distanzi twal biex tolqot żoni tul il-fruntiera tar-Russja.

L-alleati l-oħra ta’ Kiev kienu wkoll qed ifornu xi armi ta’ medda twila – b’restrizzjonijiet dwar kif u meta jistgħu jintużaw ġewwa r-Russja, minħabba tħassib li tali attakki jistgħu jwasslu għal ritaljazzjoni li tinvolvi lill-pajjiżi tan-NATO fil-gwerra jew tipprovoka kunflitt nukleari.

Il-mexxejja Ukreni jgħidu li għandhom bżonn il-missili biex jimmiraw lejn bażijiet tal-ajru użati minn ajruplani tal-gwerra Russi li minnhom iniedu attakki devastanti kontra l-Ukrajna.

Il-Kremlin qal nhar l-Erbgħa li r-Russja lesta tirreaġixxi b’mod xieraq jekk l-Istati Uniti tippermetti l-attakki bil-missili Ukrajni fuq it-territorju tagħha. Il-missili provduti mill-Iran x’aktarx li jagħtu spinta lill-armament tar-Russja, u jippermettulha tolqot bliet Ukreni qrib il-fruntieri tar-Russja jew żoni li diġà tikkontrolla.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran Abbas Araghchi ċaħad li pajjiżu kien qed iforni missili lir-Russja, u akkuża lill-pajjiżi tal-Punent li qed jaġixxu fuq intelliġenza u loġika difettużi.

Ekonomija

Sport