Aktar minn sentejn u sitt xhur wara li tħabbar li kienet se tkun immodernizzata l-faċilità tal-heliport fix-Xewkija u dan biex ikun hemm konnessjoni bl-ajru bejn Malta u Għawdexx, fein l-iimmodernizzar se jinkludi li jitwal il-mitjar eżistenti, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, f’intervista ma’ Talk.mt ħabbar li “qegħidn nistennew l-aħħar ftit analiżi u dokumentazzjoni biex jiġi jiġi approvat l-ewwel mitjar f’Għawdex.”
Il-Ministru Camilleri spjega li dan ifisser li l-mitjar eżistenti se jirdoppja, imma mhux se tittieħed art ġdida. Il-Ministru Clint Camilleri, iddikjara ma’ dan is-sit li l-proposta tal-mina qiegħda tiġi evalwata mill-ġdid u dan fid-dawl tal-fatt li minn mindu saret il-proposta sa llum, kienet hemm tisħiħ fil-konnettività. Tkellimna miegħu dwar il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku f’għadd ta’ lokalitajiet Għawdxin, liema qtugħ kien mifrux fuq diversi jiem, u ddikjara li n-nies illum mhux kumpens jixtiequ imma serħan ir-ras fuq il-provvista tal-elettriku.
Mistoqsi dwar il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku u l-inkonvenjenzi li dan gab miegħu u jekk iħossx li wasal iż-żmien li Għawdex ma jibqax jiddependi fuq Malta għall-elettriku, il-Ministru Camilleri qalilna li “meta inqata’ l-elettriku u inqata’ f’Għawdex kollu kien hemm tlett cables li jagħtu għal Għawdex, li tnejn minnhom marru u inqaleb kollox fuq it-tielet wieħed. Kien hemm ħruq. Hemm bżonn, u anke mal-Ministru Ministru Miriam Dalli tkellimna f’dan is-sens, li jkun hemm cable ġdid li forsi jkun jiflaħ aktar piż li jgħaddi minnu u dan biex jissupplixxi lil Għawdex. Rigward qtugħ ta’ elettriku sal-aħħar tas-sena saħħaħna bi sħiħ in-netwerk f’Malta u Għawdex. Is-sena li għaddiet biddilna diversi cables li proprju qegħdin fin-Nadur, fix-Xlendi, Marsalforn u fis-Sannat. Hemmhekk rajna titjib sostanzjali. Din kienet l-ewwel fażi u wara s-sajf se nkomplu bit-tieni fażi fejn filwaqt li tul din is-sena iffukjana fuq il-lvant tal-gżira Għawdxija, issa se naraw li jsir l-investiment fuq il-punent tal-gżira u dan se jkun jinkludi l-Għarb, l-Għasri u San Lawrenz.”
Enfasizza li “aktar min hekk l-idea ta’ indipendenza fejn jidħol l-elettriku mhix idea ta’ barra minn hawn għax Għawdex hu indipendenti fejn jidħol l-ilma fejn sar investiment snin ilu f’reverse osmosis f’Ħondoq ir-Rummien. Indipendenti ma tfissirx biss power station ġdida f’Għawdex. Hi waħda mill-għazliet u wieħed irid jikkunsidra impatti oħrajn inkluż dawk ambjentali. Mal-Ministru Dalli tkellimna f’dan is-sens u jeżistu teknoloġiji oħra b’mod partikolari fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli u l-ħażna tagħha u li din tista’ tintuża matul il-lejl. Il-gvern qed jara l-istatistika għax f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata il-gżira Għawdxija tiġi indipendenti mill-provvista tal-elettriku tal-impjant tal-enerġija f’Malta imma jkun dipendenti fuq l-enerġija rinnovabbli tas-solar panels. Hemmhekk hemm opportunità ta’ kif wieħed jista’ juża aħjar din l-enerġija biex din tintuża bil-lejl għax nafu li s-solar panel jagħtu Output waqt ix-xemx imma llum teżisti teknoloġija ta’ ħażna ta’ enerġija f’batterjii u wieħed irid jara kif din tista’ tiġi imħaddma. Irridu naraw jekk hux se tkun mid-djar b’mod indipendenti, jew hux minn ċentri tal-Enemalta biex din titqassam matul il-lejl. Il-pjanijiet huma hemm u se nkunu qegħdin nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet. Imma qabel xejn irridu nkomplu nsaħħu id-distribuzzjoni tal-elettriku.”
In-nies mhux kumpens jixtiequ
imma serħan il-moħħ ta’ provvista ta’ elettriku
Mistoqsi dwar l-effetti negattivi li ħalla l-qtugħ ta’ elettriku fil-gżira Għawdxija b’għadd ta’ turisti jilmentaw u anke jitolbu rifużjoni ta’ flus lura, il-Ministru Camilleri qalilna li “infurmat b’din il-ħaġa u tkellimt ma’ sidien ta’ negozji u dawn ukoll kellhom l-ilmenti. Għax meta bniedem jiġi vaganza irid igawdi l-vaganza u mhux jispiċċa bla elettriku. Qed naraw mal-Ministru Dalli x’jista’ jsir minn dan il-lat. L-istess sistema li intużat is-sena l-oħra fejn jidħol kumpens ta’ qtugħ ta’ elettriku se tkun qed tinħareġ. Imma in-nies mhux kumpens essaċċ jixtiequ imma serħan il-moħħ fuq il-provvista tal-elettriku”.
Qegħdin naraw li traffiku mit-turiżmu
qed jibqa’ b’saħħtu
Nistaqsuh dwar it-turiżmu f’Għawdex b’mod partikolari fejn jidħol it-turiżmu ta’ kwalità. Smajna ħafna dikjarazzjoni imma fir-realtà x’qiegħed isir? X’inhuma ir-riżultati?
Clint Camilleri jgħidilna li “tul l-aħħar snin sar progress sostanzjali fejn jidħlu turisti f’Għawdex mhux biss barranin imma anke Maltin. Qed naraw minn ġimgħa għal oħra in-numri jibqgħu b’saħħithom f’dawk li huma barranin u anke t-turiżmu intern. Naħseb li dan seħħ għax il-gvern anke permezz tal-Ministeru għal Għawdex qed jinvesti biex Għawdex jimxi mal-istrateġija li nidejna li ma jkunx Għawdex għat-tlett xhur tas-sajf biss imma Għawdex għal kull staġun. Apparti investimenti fil-konnettività, qed isiru attivitjiat kulturali anke tul ix-xitwa, prattikament kull staġun. Kull staġun bħala ministeru inħabbru numru ta’ inizjattivi biex Għawdex ikun l-għażla naturali għal Maltin u Għawdxin. Il-festival tal-manuċċi, attira eluf ta’ barranin u Maltin. Jekk inħarsu lejn l-Opera naraw li ħafna jiġu għalihom u dawn insibuhom biss f’Għawdex.”
Jisħaq li “nemmen li b’dawn l-iniżjattivi u strateġiji inkunu qed nagħmlu aktar faċli li wieħed jiġi jistrieħ f’Għawdex. L-ewwel tlett xhur kien hemm żieda fit-traffiku u fit-tieni tlett xhur kien hemm żieda Fuß is-sena ta’ qabel. Qegħdin naraw żieda fit-traffiku ta’ turiżmu, ta’ madwar 6 fil-mija kull sena. Dan jawgura tajjeb u jsaħħaħ ir-rieda tal-gvern li jrid ikompli jinvesti fl-infrastruttura fit-toroq, manaġiment ta’ traffiku. Għawdex hu magħruf li fl-irħula ma ssibx traffiku imma ssib traffiku u dan ikun aktar eċċentwat fi tmiem il-ġimgħa fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex. Qed isir investimenti fir-Rabat biex nevitaw żoni li joħolqu konġestjoni. Qiegħda issir it-triq ta’ wara s-sur, qed issir triq Gorg Pisani fejn it-traffiku minn Marsalforn se jgħaddi mill-outskirts tar-Rabat . Huma dawn il-metodi li qegħdin nużaw biex naraw li traffiku jimxi aħjar l-Għawdxin ma jħossuhomx magħluqin.”
“Mhux minnu li jaqbillek tmur Sqallija
flok tiġi Għawdex”
Qajjimna miegħu l-kwistjoni li jkollok Maltin li jilmentaw mill-prezzijiet li jintalbu għal servizzi f’Għawdex fosthom f’ristoranti fejn hawn min jgħidlek li jaqbillek tmur Sqallija milli Għawdex għax tiġik irħas.
Dwar il-Ministru Clint Camilleri jirrimarka li “ikun hemm min irid jgħid tali diskors. In-numri imma juru li dan mhux minnu. L-ammont ta’ Maltin li jiġu hu b’saħħtu u jitkellem waħdu. Il-prezzijiet tat-traġitti lejn Għawdex huma ferm irħas minn dawk lejn Sqallija. Aktar minn hekk il-kwalità tar-ristoranti u lukandi hi waħda tajba u tajba ferm u nisma’ kummenti f’dan is-sens. Jekk il-prezzijiet għolew xi ftit f’Għawdex kif ġara f’Malta u madwar id-dinja, però nemmen li l-kwalita ta’ l-ikel tar-ristoranti f’Għawdex għoliet u għoliet b’mod sostanzjali”.
Il-mina qed tkun analizzata mill-ġdid
Ma tistax titkellem fuq Għawdex u l-konnettività u ma ssemmix il-famuża mina. Proġett li smajna ħafna fuqu iżda sa diskors biss wasalna. Nistaqsu f’hiex wasal il-proġett tal-mina.
Jiddikjara li “meta nitkellmu fuq konnettività mhux qegħdin nifhmu il-mina biss. Il-mina hi waħda mill-proposti li qed tkun studjata anke fil-linja tal-Gozo Regional Development, proprju l-istrateġija li nidejna għall-għaxar snin li ġejjin. U proprju għax mindu bdiet id-diskursata dwar il-mina seħħew għadd ta’ tibdil li saħħew il-konnettività. Il-Gozo Channel llum qegħdin joperaw b’erba’ vapuri. Jekk tara it-traġitti minn 10 snin sa llum tara li ttriplajna it-traġitti biex is-servizz ikun aktar effiċjenti. Fil-Covid introduċejna is-servizz tal-fast ferry, u dan għaqqad il-Belt ma’ Għawdex fi vjaġġ ta’ 45 minuta. U qed inkomplu nissussidjawh biex it-traġitti jkunu konsistenti u li jaqdu l-esiġenzi tal-ħaddiema Għawdxin u t-turisti li jużaw dan it-trasport li jfisser li meta tużah mhux se tuża l-karozza. Bħalissa qegħidn nistennew l-aħħar ftit analiżi u dokumentazzjoni biex jiġi approvat l-ewwel rural airfield ġewwa Għawdex. Kif ksibna suċċess bil-baħar u kif ksibna suċċess ukoll fil-konnettività diġitali, nemmen li jekk ikollna faċilità għal ajruġlani żgħar li jistgħu jinżlu Għawdex se niftħu toroq ġodda għal Għawdex. Jistgħu jsiru titjiriet mhux lejn Malta biss imma anke ma’ pajjiżi oħra fil-Mediterran. Qegħdin ngħidu li l-heliport eżistenti li bħalissa ilu snin ma jintuża ħlief mis-servizzi tal-isptar, se jiġi estiż bid-doppju minn madwar 250 għal 500 metru. Żammejna mal-konfini ta’ bħalissa u ma ħadniex art agrikola minkejja li stajna magħmlu dan għax il-policy fiż-żona tagħti dan. Qegħdin nitkellmu fuq ajruplani b’madwar 9 u 11-il seat. Din se tagħti opportunità għal investiment lill-privat biex jagħti servizz mill-ajruport ta’ Malta lejn Għawdex. Se tagħti opportunità ġdida lill-iskejjel tal-avjazzjoni, li jħarrġu piloti futuri. L-ajruport ta’ Malta għandu ċertu ammont ta’ traffiku u għalhekk jaf ikun ideali għalihom u kien hemm min tkellem magħna dwar dan. Jekk ma jkollniex din l-infrastruttura din il-ħaġa ma nistgħux nesplorawha. Nemmen li la darba jkollha l-faċilitajiet, jinfetħu opportunitajiet għal negozji ġodda. Ikun hemm min jistaqsi jekk dan hux vijabbli jew le. L-investiment hu ta’ madwar €5 jew €6 miljun. Dan żgur jagħmel ġustizzja ma’ li wieħed iwettaqha għax investiment fit-toroq jiswa ferm aktar minn hekk. Il-benefiċċju ekonomiku hu wieħed qawwi”.
Mistoqsija naturali li segwiet wara kienet dik ta’ jekk il-proposta tal-mina tfissirx allura hux se titpoġġa fuq l-ixkaffa.
Il-Ministru Camilleri qalilna li “tfisser li proprju kif hemm fl-istrateġija li nidejna għal Għawdex flimkien mal-korpi kostitnitwi, ngos u residenti, li qbilna li l-mina trid terġa’ tiġi assessjata f’dan kollu”.
“Irridu nitrattaw il-kwistjoni tal-estetika fil-bini….irridu
ndaħħlu dak li kellna fil-passat”
Nitkellmu miegħu dwar l-iżvilupp qawwi li għaddej f’Għawdex. Żvilupp karatterizzat minn blokk ta’ appartamenti li telgħin u tower cranes li tarahom f’kull villaġġ u li donnhom saru símboli nazzjonali. Bla dubju ta’ xejn tqum id-domanda kemm nifilħu għal aktar żvilupp? Se jkompli tiela dan il-bini u kemm hu sostenibbli?
Il-Ministru Clint Camilleri li barra li hu l-Ministru għal Għawdex hu responsabbli ukoll mill-ippjanar jgħidilna li “hu ċar li l-iżvilupp fl-aħħar snin żdied u żdied b’mod b’saħħtu u dan ħadd ma jista’ jinnegah. Wieħed irid jara għaliex sar dan. Dan sar għax l-ekonomija issaħħet u l-poplu li hu sid tal-art li qed tkun żviluppata iddeċieda li investi flusu fil-proprjetà, forsi Għawdxin b’mod tradizzjonali aktar mill-Maltin iħobbu jagħmlu dan. Flok inwaqqfu kollox għax dan ma jagħmel ġid lil ħadd, irridu naħdmu biex l-iżvilupp isir bis-sens u kif suppost. Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet kienet l-introduzzjoni jew il-piż li kull min jibni irid juża il-ġebla jew materjal naturali jixbaħ il-ġebla. Ħadna din id-deċżjoni għax nemmen bi sħiħ li l-użu tajjeb ta’ material jista’ jtina binjiet li jkunu sbieħ viżwalment kif ħallewna missiriijietna. Il-ġebla ttik din l-opportunità għax tista’ tinħadem b’mod tajjeb, sengħa, il-lavur, il-ġebla qisha tħeġġek biex tużaha u tagħmel lavur mal-faċċata. Meta tara binja bil-briks u l-kisi u dik ta’ ħdejha bil-ġebla id-differenza hi ovvja għal kulħadd. Jekk tkun għaddej minn triq x’idejqet? Tara l-briks ġriż tiela. Waqt li jkun tiela’ jkun ikrah. Binja tiela bil-ġebla u b’ċertu mod f’għajnejna stess ma tkunx qed iddejqek. Apparti li implimentajna l-użu tal-ġebla u nemmen li din għandha tinfirex lejn Malta f’żoni partikolari bħall-irħula tradizzjonali, nemmen li rridu nindirizzaw l-issue tal-estetika jiġifieri biex tibni u kif tiddisinja l-faċċati. Nemmen li għandu jerġa’ jitwaqqaf dak li kellna fil-passat, jekk hux bord jew forma oħra irridu naraw, u dan hu dak tal-assessjar tal-estetika. Hemmhekk għandna nikkontribwixxu bis-saħħa biex dak li jkun tiela’ jkun jaqbel mal-estetika tal-post. Fen waqt li persuna ma ċċaħadhiex milli tiżvilupppa l-proprjetà imma nkunu qegħdin nikkontrollaw b’mod rigoruż fejn tidħol l-estetika.”
Fl-aħħar elezzjoni messaġġ ċar….imma Għawdex ra l-inqas
tnaqqis ta’ voti għall-Partit Laburista
Lil Ministru għal Għawdex staqsejnieh dwar it-tnaqqis ta’ voti f’Għawdex għall-Partit Laburista, tnaqqis li seħħ minkejja li mill-gżira Għawdxija hemm tlett ministri.
Il-Ministru Camilleri qalilna li “r-riżultat tħossu Malta kollha. Jekk wieħed irid jinterpreta ix-xerja, wieħed jgħid li din kienet kemm f’Malta u kemm f’Għawdex. Jekk xejn u din mhux ngħidha b’ġustifikazzjoni, Għawdex ra l-inqas tnaqqis fil-voti għal Partit Laburista. Jekk naraw il-kunsilli lokali. Għawdex ma tilef ebda kunsill imma żied il-kunsill tal-Għasri. Trid țara kollox fil-persepttiva. Ngħid imma li l-messaġġ hu ċar li rridu nkunu aktar qirb in-nies u rridu nibdew bi sħiħ nindirizzaw ir-realtajiet ta’ llum, ix-xewqat tal-poplu, il-miri li għandu llum il-poplu. Ir-riċetta li forsi konna nużaw lura għas-sena 2013 ma jifissirx li għadha tajba għaż-żminijiet ta’ llum. Id-dinja qed tinbidel, pajjiżna qed jinbidel u l-poplu qed jinibdel. Fix-xhur u snin li ġejjin, il-gvern inġenerali inkluż il-gżira t’Għawdex, iridu bi sħiħ jindirizzaw numru ta’ issues u problemi, li xi kultant ma jkunux issues personali imma issues nazzjonali. Ta’ ħsieb, ta’ xewqa fejn il-poplu irid lil pajjiżna jmur. Dawn irridu nindirzzawhom biex nibqgħu nikkmandaw il-fiducja tal-poplu Malti u Għawdxi”.
Se jikkontesta għal Deputat Mexxej?….se tkun
deċiżjoni ibbażata fuq żewġ affarijiet
Quddiem l-elezzjoni għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista liema elezzjoni se ssir f’Settembru li ġej, staqsejnieh jekk hux wieħed minn dawk interessati li jikkontesta.
Għal din id-domanda, Clint Camilleri iwieġeb b’mod ċar li “d-deċiżjoni li se nkun qed nieħu se tkun ibbażata fuq żew affarijiet u żewġ affarijiet biss. Il-ġid tal-Partit Laburista, u l-għaqda tal-Partit Laburista. Il-ġid u l-għaqda tal-Partit Laburista fil-gvern. Dawn se jkunu iż-żewġ prinċipji li se jkunu qegħdin jiggwidawni fid-deċiżjoni li se nkun qed nieħu.”