Sunday, December 22, 2024

“Il-mixja tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji tul iż-żminijiet hija riflessa fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Malta”

– il-President George Vella

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella qal li l-75 sena ta’ storja tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji huma snin ta’ storja mhux biss tal-istess Kamra iżda wkoll tal-pajjiż.

Waqt li kien qed jindirizza attività fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mit-twaqqif tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, il-President Vella stqarr li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, is-7,000 membru tal-Kamra li jirrappreżentaw mat-12,000 negozju differenti juru li hawn ħafna Maltin bi spirtu intraprenditorjali u li lesti jieħdu riskju u jinvestu fihom infushom u f’Malta stess. Hawnhekk huwa sellem lill-eluf ta’ negozji żgħar li, minkejja l-għawġ kollu tal-aħħar snin, fosthom il-pandemija Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, kienu “bil-għaqal biżżejjed li żammew fil-wiċċ u qed jerġgħu jieħdu r-ruħ.”

Il-President Vella esprima l-apprezzament tiegħu li tul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji żammitu infurmat dwar il-kwistjonijiet kollha li jħabbtu wiċċhom magħhom in-negozjanti Maltin.

Il-President Vella saħaq mill-ġdid dwar l-importanza tas-sostenibbiltà. “Nemmen li nistgħu naħdmu b’mudelli ekonomiċi b’mod transversali li filwaqt li jħallu l-ekonomija tikber, jgħinu fil-protezzjoni tal-ambjent u jaraw li jsaħħu wkoll il-livell soċjali,” stqarr il-President Vella.

Il-President irrefera għall-irwol tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji bħala medjatur bejn in-negozjant u dawk li jfasslu l-politika. Fisser kif huwa “neċessarju li tibqa’ tgħallem lin-negozjanti żgħar dwar metodi ġodda li jistgħu jkunu effettivi u miżuri li huma obbligati li jimplimentaw. Li tagħti aktar viżibilità lill-prodotti kollha lokali u li tħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jagħmel użu minn dak kollu li hu Malti, bil-konvinzjoni li hu ta’ kwalità daqs dak barrani.”

Il-President George Vella temm jawgura lill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji aktar ħidma sfiqa għat-tisħiħ ekonomiku, soċjali u ambjentali ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin.

Ekonomija

Sport