Wednesday, December 25, 2024

Il-miżura tat-traħħis fil-fjuwil se tibqa’ wara Settembru

Aqra wkoll

“Il-pakkett ekonomiku jgħin lil min għandu bżonn bħala katina waħda. Meta ngħinu lin-negozji qed ngħinu lill-ħaddiema u meta qed ngħinu lill-ħaddiema qed ngħinu lin-negozji”, qal il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, f’konferenza stampa fil-Berġa ta’ Kastilja. Irrimarka li aspett kruċjali tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika hu li jipproteġi lill-ħaddiema u x-xogħol.

Il-Ministru Abela saħaq li l-għan ta’ dan il-gvern mill-bidu tal-pandemija kien li jsalva l-impjiegi u jiggarantixxi li jkollhom dħul adekwat u, għaldaqstant, sabiex tgħin lill-ħaddiem hemm bżonn li tgħin ukoll lil min jipprovdi x-xogħol. Qal li l-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika mħabbar mill-Prim Ministru nhar it-Tnejn li għadda jirrifletti żewġ aspetti importanti: ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà li jippremja x-xogħol u l-bżulija.

“Il-miżuri li ħadna, kemm għall-benefiċċju tal-impriżi kif ukoll tal-investimenti fi spazji industrijali u fit-taħriġ tal-ħaddiema, igawdu minnhom il-ħaddiema għax joħolqu opportunitajiet ġodda għalihom. L-istess fejn jidħlu l-għajnuniet li ta l-gvern lill-kumpaniji, li bihom jistgħu jtejbu l-likwidità tagħhom, għandhom impatt ukoll fuq il-ħaddiema għax ikomplu jipproteġu l-postijiet tax-xogħol u d-dħul tal-istess ħaddiema”, qal il-ministru.

Il-ministru, responsabbli mill-kundizzjonijiet tax-xogħol, semma kif f’dan il-pjan il-gvern ried:

•          Li ssir ħidma biex ma jingħatawx sensji u li l-ħaddiema jkollhom dħul diċenti. Kien għalhekk li l-Covid Wage Supplement se jibqa’ kif inhu sa Settembru.

•          Li l-ħaddiema jifdlilhom aktar flus fil-but. Għalhekk sar tnaqqis ta’ 7 ċenteżmi fuq kull litru fil-prezz tal-petrol u d-diesel, koppji li kellhom jipposponu t-tiġijiet tagħhom se jingħataw għajnuna u se jkompli jitjieb l-in-work benefit;

•          Jistimula l-ekonomja imma fl-istess waqt jgħin lill-familji u lill-ħaddiema. Għalhekk sar tnaqqix fir-rata tat-taxxa fuq boll fuq xiri ta’ proprjetà u l-gvern se jagħti rifużjoni tat-taxxa lil 210,000 ħaddiem li ħadmu tul l-2018;

•          Jinvesti fil-potenzjal tal-ħaddiem u f’min iħaddem. Għalhekk ser jgħin b’taħriġ għall-ħaddiema.

Apparti hekk, il-Ministru Abela rrefera għall-miżura ta’ voucher ta’ 100 ewro għal kull persuna minn 16-il sena ’l fuq, li jista’ jintuża f’postijiet ta’ akkomodazzjoni liċenzjati, ristoranti jew negozju li kien għalaq. Innota li dan hu gvern li flok jintaxxa, qed jagħti l-flus lill-poplu biex jonfoq fil-prodott u fis-suq lokali. Semma wkoll żewġ inizjattivi oħra, dawk tar-rifużjoni tal-kontijiet tal-elettriku u s-sostenn fuq spejjeż tal-kera, inizjattivi li se jħallu aktar flus għand in-negozji li jkunu jistgħu jingħataw lill-ħaddiema.

Rigward il-perjodu tal-miżuri, il-Ministru Abela ċċara li miżuri bħal dawk tal-in-work benefit, it-tnaqqis fit-taxxa tal-boll, ir-roħs fil-petrol u d-diesel, l-investiment fl-infrastruttura industrijali u oħrajn se  jmorru aktar minn Settembru. Fakkar li apparti dan, f’Ottubru se jkun hemm il-baġit annwali li se jieħu ħsieb li l-gvern ikompli jibni fuq dawn il-miżuri ekonomiċi, wara li ssir l-evalwazzjoni meħtieġa kif dejjem sar f’kull fażi tal-pandemija.

Il-Ministru Abela rrefera għall-ħidma konġunta permezz tad-djalogu soċjali b’saħħtu li dan il-gvern tant jemmen bih. Qal li, fil-fatt, tul il-ġimgħat li għaddew il-ministeru li jmexxi ssokkta b’konsultazzjoni ma taqta’ xejn, kemm fi ħdan il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali kif ukoll mal-korpi kostitwiti individwalment, inklużi uħud li mhumiex parti mill-MCESD. “Dħalna f’din l-imxija flimkien u flimkien se noħorġu minnha”, sostna l-Ministru Abela.

Żied li t-titjib u t-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol hu prinċipju bażiku ta’ dan il-gvern. Mhux biss b’din l-injection ta’ €900 miljun, imma fakkar li bħalissa l-gvern għaddej bl-implimentazzjoni tal-programm elettorali u tat-tielet baġit ta’ din l-amministrazzjoni, u dan mingħajr ma ġew introdotti taxxi, fejn il-familji, il-ħaddiema u n-negozji kuntrarju għal li kienu mdorrija fil-passat, ingħataw biss u ma ttieħdu xejn lura. 

Innota li fl-aħħar jiem, hu ħabbar it-twettiq ta’ 76% tal-miżuri tal-programm elettorali (fl-intier jew miżuri avvanzati) fejn diversi minnhom jiffukaw fuq il-ħaddiema. Fost dawn wieħed isib it-tnaqqis tat-taxxa fuq l-overtime, it-tnaqqis fl-income tax għal kulħadd, żieda fil-paga minima, ma titħallas l-ebda taxxa fuq il-paga minima, titjieb fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema f’setturi u f’oqsma differenzi.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li dan wassal biex dan il-gvern kien kapaċi jsalva 100,000 impjieg; 100,000 persuna li baqgħet f’xogħol. “Dan hu gvern li sema’ u finalment iddeċieda fl-interess nazzjonali inklużi l-ħaddiema”, ikkonkluda l-Ministru Abela.

Ekonomija

Sport