Friday, April 19, 2024

“Il-miżuri kollha li saru ttieħdu b’serjetà massima”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru Bonnici jżur waħda mill-iskejjel attrezzata biex tilqa’ l-istudenti f’ambjent sigur

Miktub minn MARIA AZZOPARDI, Ritratti: ROGER AZZOPARDI

Hekk kif kien imħabbar li fit-28 ta’ Settembru huwa mistenni li l-edukaturi jirritornaw lura fl-iskejjel, filwaqt li sal-14 ta’ Ottubru t-tfal kollha jkunu daħlu lura l-iskola, inewsmalta żar il-Kulleġġ Santa Klara ġewwa Pembroke, li hija waħda mill-iskejjel li ġiet attrezzata b’mod konformi mal-linji gwida li nħarġu minħabba l-imxija tal-Covid-19. Dan sar biex jassigura li jkun hemm ambjent sigur kemm għall-istudenti kif ukoll għall-edukaturi. 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u s-Segretarju Permanenti Frank Fabri assiguraw li l-miżuri kollha li saru ttieħdu b’serjetà massima kif jitlob dan il-mument. 

Il-Ministru Bonnici qal li l-linji gwida għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika, wara konsultazzjoni mal-Ministeru u mal-imsieħba fis-settur, jgħidu b’mod ċar li hu imperattiv li l-iskejjel jerġgħu jiftħu għas-sena skolastika li jmiss u li t-tfal għandhom jirritornaw għall-edukazzjoni tagħhom fl-iskola matul l-imxija tal-Covid-19, għaliex l-istudenti l-iktar li hemm ċans li jsofru dannu jekk ma jattendux l-iskola.

Ġie spjegat li waħda mid-deċiżjonijiet li ttieħdu qabel ma jiftħu l-iskejjel kienet li risk assessors indipendenti kompletament mill-Ministeru u li għandhom il-liċenzja tal-OHSA, iduru l-iskejjel kollha (primarji, medji u sekondarji) u joħorġu ċertifikat biex kull min jidħol fl-iskola jkollu moħħu mistrieħ li kull skola hija konformi.

Waqt iż-żjara ġewwa l-iskola primarja ta’ Pembroke ġew osservati bosta miżuri li ttieħdu biex jipproteġu lill-istudenti u l-edukaturi, fosthom linji bil-passi biex jimxu b’mod ordnat filwaqt li jżommu d-distanza soċjali kemm fil-kuriduri kif ukoll meta wieħed juża’ t-taraġ, fejn għal din l-iskola ġew intużati l-passi sofor u dawk blu.

Sinjali fl-art biex jgħinu fiż-żamma tad-distanza soċjali

Se tkun qed tittieħed it-temperatura għal kull min jidħol u ħdejn l-entratura hemm ukoll sanitiser u ktieb fejn wieħed jikteb id-dettalji tiegħu. Apparti minn hekk, din l-iskola se jkollha tliet entraturi biex dawk li jidħlu fl-iskola jinqasmu u jiġi evitati milli jkun hemm gruppi kbar. F’kull entratura se jiġi assigurat li jkun hemm l-istess proċedura. Il-Ministru Bonnici spjega li minn din is-sena se jkun hemm security officer f’kull skola. 

Fil-klassijiet, l-imwejjed ġew sistemati skont il-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet fejn hemm metru u nofs bejn mejda u l-oħra u żewġ metri bejn l-għalliem/a u l-istudenti. Din id-distanza ġiet ukoll immarkata mal-art biex toffri sigurtà b’mod speċjali f’każ li l-imwejjed jiċċaqilqu. Bħala mezz ieħor ta’ sigurtà, is-sinkijiet li jinsabu fil-klassijiet ingħalqu. Il-klassijiet ukoll ġew mgħammra b’bins li jistgħu jingħalqu biex joffru protezzjoni aħjar. Fil-każ tat-tfal, il-ġenituri ġew issuġġeriti li t-tfal iġorru borża (pouch) apposta għall-maskra. 

Tinżamm id-distanza soċjali bejn l-imwejjed

LSEs u l-għalliema dejjem se jkunu qed jilbsu jew maskra jew visor, pero jekk wieħed jixtieq jista’ jilbes it-tnejn f’daqqa. Fil-każ tal-LSEs, ġie spjegat li se jkun hemm hemm tip ta’ diviżorju tal-plastik disponibbli f’każ li l-LSE tixtieq tużah. Kull membru tal-istaff se jingħata visor, maskra u wipes.

Is-Segretarju Permanenti Frank Fabri qal li wieħed irid japprezza li din l-operazzjoni kollha kienet tfisser li kellhom iżarmaw l-iskejjel kollha ta’ Malta u reġgħu ġew armati mill-bidu skont il-protokolli. Huwa qal ukoll li rigward it-tindif dan żdied b’40% biex ikunu jistgħu jżommu mal-protokoll il-ġdid li se japplikaw din is-sena.

Waqt iż-żjara ġie spjegat li f’dawk l-uffiċini li mhumiex klassijiet hemm marka apposta biex wieħed jistenna qabel jidħol. Apparti minn hekk, bħal kull skola oħra, wieħed jista’ josserva li f’kull noticeboard hemm diversi avviżi biex ifakkru lil dak li jkun biex iżomm id-distanza, jaħsel idejh u jilbes il-maskra. 

Ġie spjegat li kull skola se tkun qed issegwi dawn il-miżuri li ġew standardizzati, li jfisser li jinkludi wkoll l-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti. L-ebda skola ma setgħet timxi b’mod differenti li jfisser li kulma wieħed isib fi skola, se jsibha fl-iskejjel l-oħra. Fost il-miżuri li ttieħdu bħala prekawżjoni fit-toilets, se tkun qed titħaddem sistema bħal tal-lukandi u r-ristoranti fejn ikun hemm cleaning sheet li tiġi mmonitorjata. 

F’din l-iskola wieħed seta’ jara li l-uffiċini tal-SMT u tal-amministrazzjoni huma mgħammra b’perspex li se tkun qed toffri protezzjoni. Waqt iż-żjara ġie spjegat ukoll li se tingħata wristband ikkulurita lil kull student tal-primarja biex jassigura li dawn jibqgħu fil-bubble tagħhom.

Dwar il-Kinder, il-Ministru Bonnici appella lill-ġenituri biex ma jibżgħux għax qed jittieħdu miżuri oħrajn li se joffru protezzjoni. Huwa qal li l-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa ma jitkellmux dwar distanza ta’ metru u nofs bejn it-tfal għax huwa ovvju li meta int tkun fil-Kinder ma tippretendix li dawn iżommu d-distanza imma hemm numru ta’ kundizzjonijiet li rridu nobdu bħal kalkolu ta’ kemm tpoġġi tfal fil-kamra.  Dwar dan, il-Ministru spjega li f’Kinder 1 dan in-numru jista’ jitla’ sa’ massimu 15 u f’Kinder 2 sa’ massimu 19. 

Il-protokoll li ħolqu l-awtoritajiet tas-saħħa jixbaħ ukoll dawk tac-child care centres. Dwar kif se jiġu protetti lil min jaħdem mat-tfal, ġie spjegat li l-Kinder Garden Educators u Learning Support Educators, se jimxu dejjem fuq il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa li qed jgħidu u jfakkru żewġ affarijiet fost l-oħrajn. L-ewwel ħaġa importanti li l-edukaturi jilbsu l-maskra jew il-visor u l-importanza li wieħed iżomm idejh nodfa l-ħin kollu u ma jmissx il-wiċċ.

Sport