Id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-kriżi politika ta’ bejn Novembru u Jannar, li wasslet għal riżenji fosthom taċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u tal-Prim Ministru nnifsu, se tibqa’ għaddejja għax il-gvern mhux jieħu passi dwarha.
Saħaq li “fejn tidħol in-nefqa rikorrenti fl-ewwel kwart tas-sena żdiedet b’€243 miljun. Kienu biss €50 miljun li kienu marbutin ma’ COVID19. Qed ngħid dan għax fiż-żmien li qegħdin fih biex noħorġu mill-kriżi jiddependi minn kif il-gvern se jonfoq il-flus.”
Semma’ is-settur turistiku u qal li “fil-mini budget m’hemm ebda miżuri ta’ sustanza biex is-settur turistiku jitqajjem fuq saqajh. M’hemm ebda fondi biex nagħmlu titjib fil-prodott turistiku. Il-miżuri mħabbra mill-gvern ma jitkellmux dwar futur aħjar u dan hu l-akbar nuqqas ta’ dawn il-miżuri. Dawn huma miżuri fuq bażi qasira ta’ żmien, meta għandna problemi għal tul ta’ żmien.”