Tuesday, May 20, 2025

Il-monumenti patrimonju tal-poplu kollu 

Aqra wkoll

F’kull pajjiż, il-monumenti huma patrimonju nazzjonali. Huma hekk għaliex ifakkru ġrajjiet storiċi li pajjiż ikun għadda minnhom. Mhux l-inqas f’pajjiżna. Il-monumenti huma wirt ta’ avvenimenti li seħħew f’pajjiżna matul il-milja tas-snin. U dawn bħala poplu għandna biex inkunu kburin bihom għaliex huma ċ-ċelebrazzjoni ta’ dak li għaddew minnu missirijietna. Għalhekk inqisu li l-monumenti ta’ pajjiżna huma sagri u m’għandhomx jiġu desakrati għal xi skop jew ieħor partikolarment jekk l-iskop ikun politiku partiġġjan, għax dawn huma tal-poplu kollu. 

Dawn l-aħħar jiem rajna tintensifika aktar il-kontroversarja dwar il-monument tal-Assedju l-Kbir li jinsab preċiżament quddiem il-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta. Dan il-monument qed jinqdew bih ċertu organizzazzjonijiet u individwi bl-iskop li għandhom dritt jagħmlu hekk għaliex f’pajjiżna ssaltan il-liberta’ tal-espressjoni. Aħna ma naqblu xejn ma’ dan ir-raġunament għaliex nemmnu illi l-liberta’ tal-espressjoni għandha l-limiti tagħha wkoll u m’għandhiex tagħmel farsa minn xi monument storiku. 

Qed ngħidu dan għaliex xbajna naraw il-farsa ta’ min ipoġġi u min ineħħi affarijiet minn fuq dan il-monument, xi ħaġa kważi li qed issir ta’ kuljum u li rrendiet lil dan il-monument qisu xi ċippitatu jilgħab f’idejn in-nies. Dan imur kontra l-liġi li tipproteġi l-monumenti tant li hemm penali kontra min jivvandalizza, iwaħħal kartelluni u banners jew jixxabbat ma’ monumenti nazzjonali għax dawn huma siti protetti. 

Filwaqt li aħna nemmnu li kulħadd għandu dritt jesprimi dak li jkun qed iħoss anke permezz ta’ protesti u dimostrazzjonijiet, b’danakollu ma nistgħu naqblu qatt illi l-monumenti jintużaw bħala parti minn dawn l-attivitajiet. Kull tiżjin ma’ xi monument għandu jkun biss fil-mument li jfakkar il-ġrajja jew l-anniversarju li jkun qiegħed jirrappreżenta.

Ma nistgħu naċċettaw qatt ukoll li monumenti prominenti bħal dak tal-Assedju l-Kbir jispiċċaw fi stat li ssirilhom ħsara, għaliex min ikun qed jipprotesta jaħseb li qed juri fehmtu. Hemm bżonn li min hu responsabbli mill-patrimonju Malti jara li affarijiet bħal dawn ma jsirux, la minn min hu favur il-protesti u lanqas minn min ikun kontra. 

Jekk jitħassru dawn il-monumenti tkun qed titħassar mhux biss parti mill-kultura imma wkoll l-istorja ta’ ġensna. Il-monumenti nazzjonali saru minn fondi pubbliċi u għalhekk huma tal-poplu kollu u mhux ta’ xi fazzjoni jew oħra, hi min hi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport