Tuesday, February 3, 2026

Il-“Motherhood Penalty”: Meta n-nisa jħallsu l-prezz talli saru ommijiet

“Nappoġġjaw lill-ommijiet li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jibbilanċjaw ix-xogħol u l-ħajja” – General Workers’ Union

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar ġimgħat, diversi nisa membri kkuntattjaw lit-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-General Workers’ Union biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw wara li rritornaw ghax-xogħol wara li ħadu xi xhur leave tal-maternità. Minkejja li l-maternità hija dritt fundamentali u pass naturali fil-ħajja ta’ ħafna nisa, għadna qed naraw sitwazzjonijiet fejn l-ommijiet jiġu penalizzati minflok ma jingħataw l-appoġġ li jkollhom bżonn.

Il-problema ewlenija li qed tqum hija dik magħrufa bħala l‑motherhood penalty — realtà li fiha n-nisa jitilfu opportunitajiet, jiġu mċaqalqa minn pożizzjonijiet, jew jiġu mċaħħda mill-flessibbiltà tax-xogħol minħabba li saru ommijiet. Xi membri rrappurtaw li, wara l-leave tal-maternità, sabu diffikultà biex jerġgħu lura għall-istess rwol li kellhom. Oħrajn ġew imċaħħda mit-talba għal remote working fejn qabel ma kellhom it-tarbija qatt ma kellhom problemi, li għal ħafna ommijiet hija l-uniku mezz biex ilaħħqu bejn ix-xogħol u r-responsabbiltajiet tal-familja.

“Din mhijiex biss kwistjoni ta’ ġustizzja fuq il-post tax-xogħol, hija kwistjoni soċjali u nazzjonali. Ma nistgħux nistennew li n-nisa tqal wara li jkollhom it-tfal, ma noffrulhom l-ebda struttura li tgħinhom jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol b’dinjità u stabbiltà,” qalet is-Segretarju Riccarda Darmanin.

Żiedet tgħid li fl-istess ħin, l-ommijiet li jirritornaw għax-xogħol ikollhom jibbukkjaw post għat-tfal tagħhom fil‑childcare minn xhur qabel u ladarba jirritornaw lura għax-xogħol, ikollhom iżommu strettament mal-ħinijiet li jkunu bbukkjaw. Dan qed ikompli joħloq pressjoni żejda fuq familji li diġà jinsabu taħt piżijiet loġistiċi u finanzjarji.

“Wasal iż‑żmien li l-awtoritajiet jagħtu każ serju ta’ din ir-realtà. Ma nistgħux nibqgħu nippromwovu politika li tħeġġeġ lin-nisa biex ikollhom tfal, u mbagħad inħalluhom waħedhom jiffaċċjaw sistema li ma tagħtihomx l-appoġġ minimu meħtieġ.”

Qalet li jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari u infurzabbli li jiggarantixxu:

  • Ritorn sigur u mingħajr diskriminazzjoni għall-istess pożizzjonijiet li jkunu fihom qabel joħorġu bil-maternity leave.
  • Aċċess għal arranġamenti flessibbli, inkluż remote working fejn possibbli.
  • Childcare li jwieġeb għar-realtajiet tal-ħaddiema, mhux bil-maqlub.

Il-motherhood penalty mhijiex problema individwali, hija problema strutturali li tolqot lill-familji kollha u lill-ekonomija tagħna. Jekk irridu soċjetà li tassew tapprezza u tappoġġa l-familja, irridu nibdew billi nappoġġjaw lill-ommijiet li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jibbilanċjaw ix-xogħol u l-ħajja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport