Il-Kumitat għall-Impjiegi tal-Parlament Ewropew appoġġja t-talba tal-MPE Alex Agius Saliba għal finanzjament adegwat għal servizzi ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni mill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-Parlament, filwaqt li jiġi żgurat l-internalizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi u s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema li jipprovduhom.
Fil-passat, il-MPE Alex Agius Saliba oġġezzjona għan-nuqqas ta’ tradutturi u interpreti Maltin fil-laqgħat tal-Unjoni Ewropea. Il-kwistjoni ilha titqajjem kontinwament għal numru ta’ snin u riċentament, f ’Marzu 2023, il-MPE Agius Saliba oġġezzjona għan-nuqqas ta’ interpretazzjoni fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Impjiegi li għaliha attendiet ukoll il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Ugwaljanza Helena Dalli.
“Ninsab kuntent bl-appoġġ lejn il-proposta tiegħi għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-prinċipju tal-multilingwiżmu fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej. Il-lingwi tal-pajjiżi ż-żgħar jinsabu fi żvantaġġ u spiss minsija u injorati fil-laqgħat tal-UE. Il-lingwa Maltija hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u n-nuqqas ta’ traduzzjoni jew interpretazzjoni hija diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini Maltin. Għalhekk naħseb li huwa importanti li allokajna finanzjament adegwat u suffiċjenti għal servizzi bħal dawn mill-baġit tal-UE,” qal il-MPE wara l-vot.
Waqt l-istess votazzjoni, Alex Agius Saliba ħeġġeġ ukoll biex il-baġit tal-Unjoni Ewropea għall-2024 jagħti attenzjoni lill-ħtiġijiet ta’, u r-relazzjonijiet ma’, gżejjer, żoni rurali u remoti u territorji fil-periferija tal-Unjoni li huma affettwati b’mod partikolari mill-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-kriżijiet attwali u huma aktar vulnerabbli għall-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima.
“Iż-żieda fl-inflazzjoni, fil-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija u fit-tibdil fil-klima qed jaffettwaw lilna lkoll u saħansitra aktar lill-gżejjer u t-territorji fil-periferija tal-Unjoni. Huwa għalhekk li l-baġit tal-UE għas-sena d-dieħla għandu jagħti attenzjoni lill-ħtiġijiet ta’ żoni bħal dawn, speċjalment minħabba li ninsabu fi żvantaġġ akbar u partikolarment affettwati mill-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-kriżijiet attwali u aħna aktar vulnerabbli għall-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima,” qal l-MPE.
Għat-tielet sena konsekuttiva, il-MPE Alex Agius Saliba rnexxielu wkoll jikseb appoġġ għall-proposti tiegħu biex ikunu allokati biżżejjed flus fil-baġit tal-UE biex jiddefendi programmi ewlenin għall-impjiegi, iż-żgħażagħ, it-tfal, il-ħaddiema, l-anzjani u gruppi vulnerabbli oħra affettwati mill-kriżi attwali u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija.
“L-ekonomija tal-UE ilha titħabat f’dawn l-aħħar ftit snin, u fl-istess ħin qed jitpoġġew ħafna setturi f’riskju, u qed jiżdiedu l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali. Il-fatt li l-pagi mhumiex qed jikbru b’rata mgħaġġla daqs l-inflazzjoni qed ipoġġi lin-nies f’diffikultajiet u qed jaggravaw il-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom. Sitwazzjoni bħal din teħtieġ rispons bla preċedent mill-baġit tal-UE biex jiġu żgurati miżuri ta’ protezzjoni soċjali biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-gwerra fuq iċ-ċittadini tagħna,” qal il-MPE Alex Agius Saliba wara l-votazzjoni.