Friday, March 29, 2024

Il-MPE Alex Agius Saliba ġie maħtur Rapporteur fuq ir-Rapport dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni b’Diżabilità permezz tal-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew (MPE) Alex Agius Saliba nħatar bħala relatur fuq ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni b’Diżabilità permezz tal-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew iddeċieda li jfassal rapport fuq inizjattiva proprja bbażat fuq il-petizzjonijiet li jaslu fir-rigward tal-ostakoli li l-persuni b’diżabilità jiffaċċjaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, u Alex Agius Saliba ser ikun il-MPE responsabbli.

Il-MPE Alex Agius Saliba kkummenta dwar il-ħatra tiegħu: “Ninsab onorat li nħtart bħala r-Rapporteur dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni b’Diżabbiltà permezz tal-Unjoni Ewropea u biex inkun il-vuċi ta’ dawk li m’għandhomx vuċi. Ir-rapport tiegħi se jenfasizza d-diskriminazzjoni diretta u indiretta li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilità fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha, u fuq il-bżonn ta’ edukazzjoni inklużiva u aċċessibbli għal kulħadd, l-aċċessibbiltà fit-trasport u l-infrastruttura, l-aċċessibbiltà diġitali u l-inklużjoni soċjali fil-komunitajiet. Il-persuni b’diżabilità għandhom ikunu protetti minn kull forma ta’ diskriminazzjoni u għandhom igawdu l-istess drittijiet bħalna lkoll.”

Ir-Rapport se jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jkunu konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Bħala r-Rapporteur u membru tal-Qafas dwar id-Diżabilità tal-Parlament Ewropew, jien se nkompli nqajjem kuxjenza u nippromwovi d-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri għall-persuni b’diżabilità, speċjalment issa, meta l-kriżi COVID-19 qiegħda tiżvela s-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni kontinwa ta’ persuni b’diżabilità fl-aspetti kollha tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum ” ikkonkluda l-MPE Alex Agius Saliba.

Ekonomija

Sport