Friday, November 15, 2024

Il-MPE Alex Agius Saliba, jilqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni b’maġġoranza kbira tar-rapport dwar id-drittijiet tal-persuni awtistiċi

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza kbira r-rapport dwar l-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-persuni awtistiċi, li dwaru l-MPE tal-Partit Laburista, Alex Agius Saliba kien in-negozjatur ewlieni u l-kelliem tal-S&D.

“Ninsab kuntent bir-riżultat tal-vot. Kien unur għalija li naħdem fuq dan ir-rapport importanti, li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ l-għarfien u jippromwovi d-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs fl-UE u fl-Istati Membri tagħha għall-persuni awtistiċi”, ikkummenta l-MPE Laburista Agius Saliba dwar ir-riżultat tal-votazzjoni.

Madwar 87 miljun persuna fl-UE jsofru minn xi forma ta’ diżabilità inkluż 5 miljun persuna fuq l-ispettru tal-awtiżmu, ftit iżjed minn 1% tal-popolazzjoni. Dawn il-persuni għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli fl-edukazzjoni, biex jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra tal-UE jew biex isibu xogħol.

Ir-rapport jenfasizza li l-persuni awtistiċi mhux kollha għandhom l-istess karatteristiċi speċifiċi, u għalhekk għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-aħjar appoġġ possibbli skont il-ħtiġijiet tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum u meta jivvjaġġaw fl-UE.

Bosta persuni awtistiċi mingħajr diżabbiltà intellettwali assoċjata jsaffqu wiċċhom ma’ ostakli fit-talbiet tagħhom sabiex jiġi rikonoxxut l-istatus ta’ diżabilità tagħhom. Dan l-istatus huwa meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jiksbu servizzi ta’ appoġġ u għajnuna finanzjarja li jgħinuhom sabiex ikunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti mingħajr xkiel. Oħrajn għandhom diżabilitajiet iżjed severi u jeħtieġu kura u appoġġ tul il-ħajja. Ir-rapport jitlob li d-dijanjosi tal-awtiżmu għandha twassal għal rikonoxximent awtomatiku tal-istatus ta’ persuna li ssofri minn diżabilità.

Ir-rapport jisħaq ukoll li f’uħud mill-Istati Membri l-istennija sabiex jiġi aċċertat id-dijanjożi tal-awtiżmu ttul bosta snin. Dan qed iwassal sabiex tfal u adulti jsofru minn nuqqas ta’ servizzi professjonali ta’ intervent u appoġġ msejsa skond il-ħtiġijiet individwali tagħhom. Barra minn hekk, bħalissa hemm nuqqas ta’ linji gwida tal-UE dwar intervent għall-awtiżmu bbażat fuq l-evidenza u fuq id-drittijiet. Familji madwar l-Ewropa għadhom fil-mira ta’ offerti ta’ terapiji u interventi mhux ippruvati u potenzjalment ta’ dannu għas-saħħa, inkluż il-maltrattament tat-tfal permezz ta’ prattiċi bħal ‘bleach enemas’. Din ir-riżoluzzjoni tappella sabiex prattiċi inumani jiġu pprojbiti u jiġu stabbiliti linji gwida dwar trattamenti idoneji għal persuni awtistiċi.

Dan ir-rapport għandu l-għan li jindirizza l-aktar ostakli importanti li jiffaċċjaw il-persuni bl-awtiżmu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, bħall-edukazzjoni, l-impjieg, l-għixien indipendenti, il-libertà tal-moviment, u r-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ diżabilità tagħhom.

“Nilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tinħoloq Karta Ewropea tad-Diżabilità, li ser twassal għal titjib reali fil-moviment liberu tal-persuni b’diżabilità. Hija ħasra li l-proposta ħadet il-forma ta’ Direttiva minflok Regolament. Regolament, li huwa mandatorju, kien jirriżulta f’implimentazzjoni aktar konsistenti u effiċjenti tal-Karta Ewropea tad-Diżabilità.

Barra minn hekk, il-Karta tad-Diżabilità għad trid tiġi msaħħa u l-użu tagħha mwessa u tkun ta’ għodda effettiva sabiex persuni b’diżabiltà, inkluż dawk l-ispettru tal-awtiżmu, jiksbu l-jeddijied tagħhom u jkollhom opportunitajiet ugwali. F’din id-Direttiva, il-Kummissjoni ma ssemmix persuni awtistiċi.

Madankollu, il-proposta tal-Kummissjoni hija pass fid-direzzjoni t-tajba peress li l-Istati Membri se jkunu obbligati jdaħħlu d-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Il-Parlament għandu jkun ambizzjuż ħafna fil-pożizzjoni tiegħu” ikkummenta l-MPE Agius Saliba.

“Din il-Karta tad-Diżabilità hija pass importanti, iżda għad irridu nsaħħu l-Karta u l-ambitu tagħha sabiex tkun għodda reali biex tiffaċilita d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, inklużi d-drittijiet ta’ persuni awtistiċi” temm jgħid l-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba.

Ekonomija

Sport