Sunday, December 22, 2024

Il-MPE Alex Agius Saliba jilqa’ r-regoli diġitali l-ġodda fl-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

Il-MPE Alex Agius Saliba laqa’ l-adozzjoni tar-regoli diġitali storiċi ġodda tal-Unjoni Ewropea fil-votazzjoni finali dwar l-Att il-ġdid dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u l-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA) fil-Plenary tal-Parlament Ewropew fil-5 ta’ Lulju 2022. Il-liġijiet il-ġodda se jirregolaw l-ispazju diġitali u jobbligaw lill-kumpaniji onlinejipproteġu lill-utenti minn kontenut illegali, iżidu r-responsabbiltà, u jillimitaw is-saħħa fis-suq tal-ġganti tat-teknoloġija.

Agius Saliba, li jokkupa l-kariga ta’ Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi dwar Ewropa diġitali b’saħħitha għal kulħadd, enfasizza matul id-diskors tiegħu fil-Plenarja fi Strasburgu li d-DSA u d-DMA huma l-ewwel strumenti legali tax-xorta tagħhom u huma strumenti uniċi li jirregolaw il-kumpaniji l-kbar tat-teknoloġija.

“Bil-vot tal-lum, l-Ewropa saret il-promotur u d-diżinjatur ta’ Dinja Diġitali Globali Aħjar. Ħadd m’huwa ‘l fuq mil-liġi. Ir-regoli l-ġodda huma l-ewwel pass biex finalment nitbiegħdu minn mudell tan-negozju purament iċċentrat fuq ir-reklamar u ta’ sorveljanza għal regoli li jiffukaw fuq l-interess tan-nies fl-aċċess u t-tixrid ta’ kontenut u informazzjoni ta’ kwalità għolja,” qal il-MPE.

Bħala r-rapporteur għar-rapport inizjali tal-Kumitat għas-Suq Intern dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali li kien ġie adottat fl-2020, il-MPE Agius Saliba enfasizza li l-liġijiet il-ġodda jġiegħlu lill-ġganti tat-teknoloġija jaħdmu b’mod ġust, itemmu l-abbuż tal-poter tagħhom u jagħtu s-setgħa lin-nies biex jieħdu kontroll tal-informazzjoni li jixtiequ jaqraw, jaraw u jxerrdu.

“Fil-bidu tal-mandat, fir-rapport li ħejjejt fuq inizjattiva proprja tiegħi dwar id-DSA, stabbilixxejna l-prinċipji ewlenin li għandhom jiġu inklużi fid-DSA u fid-DMA. Tlabna għall-ewwel darba biex jiġi introdott il-prinċipju li dak li huwa illegali offline ikun illegali online, u issa dan jidher b’mod prominenti fil-leġiżlazzjoni. Għamilna pressjoni biex intemmu s-sorveljanza taċ-ċittadini tagħna u noħolqu ambjent diġitali mibni fuq il-fiduċja, l-għażla, u livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi, iċ-ċittadini u l-SMEs kollha. Issa għandna miżuri dwar it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-algoritmi u d-dark patterns,” qal il-MPE Laburista.

Suġġerimenti oħra mir-rapport tal-MPE Agius Saliba inkorporati fir-regoli diġitali l-ġodda huma il-kunċett li n-negozji għandhom ikunu jafu l-klijenti tagħhom (Know Your Business Customer “KYBC”), l-introduzzjoni ta’ standards aktar stretti dwar prattiki ta’ reklamar dannużi u l-protezzjoni tal-minorenni, micro-targeting, sistemi rakkomandati għar-reklamar, u trattament preferenzjali. Il-kumpaniji stabbiliti barra mill-Unjoni Ewropea li jimmiraw li jolqtu s-swieq, il-konsumaturi u ċ-ċittadini Ewropej għandhom jikkonformaw ukoll mad-DSA u mad-DMA.

“Aktar minn qatt qabel, wara l-ġlieda kontra l-gwerra tad-diżinformazzjoni, l-Ewropa se jkollha bżonn il-pedaġġi demokratiċi biex tirregola s-sikurezza tal-utenti, tipproteġi lill-konsumaturi, u tipprevjeni l-abbużi u s-sorveljanza tal-utenti. Ninsab kuntent li kelli l-opportunità li nkun involut f’dan il-proċess mill-bidu nett sabiex ngħin biex jissawru l-prinċipji fundamentali li jissalvagwardjaw it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-servizzi diġitali u biex fuq kollox, l-internet isir spazju aktar sikur għan-nies,” qal il-MPE Alex Agius Saliba.

Ekonomija

Sport