Thursday, December 26, 2024

Il-MPE Alex Agius Saliba jirbaħ każ kontra l-Kummissjoni Ewropea dwar l-għażla ta’ ħaddiem li ma jitkellimx bil-Malti

Aqra wkoll

F’Awwissu li għadda, il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Alex Agius Saliba oġġezzjona bis-saħħa għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħżel kandidat li ma jitkellimx bil-Malti sabiex iservi bħala analista ekonomiku fi ħdan l-uffiċċju tas-Semestru Ewropew ibbażat f’Malta.

Il-kwistjoni ma waqfitx hemm. Kif saħaq l-MPE Agius Saliba, “Se nuża l-għodda kollha possibbli sabiex Malta tkun trattata b’mod ekwu u ġust. L-ilsien Malti mhux inferjuri għal ilsna oħra rikonoxxuti. Il-ħila tagħna li nitkellmu b’żewġ ilsna ma għandhiex tintuża sabiex issir diskriminazzjoni kontrina.”

Il-MPE Agius Saliba segwa l-każ, l-ewwel quddiem il-Parlament Ewropew, imbagħad quddiem l-Ombudsman Ewropew, fejn dan tal-aħħar issa ta raġun lill-MPE Agius Saliba. Il-Kummissjoni issa se jkollha tibda l-proċess mill-ġdid u tiżgura li l-kriterji tal-għażla jiġu mobdija, cioe li jintagħżel kandidat li jitkellem bil-Malti.

Il-MPE Laburista kkummenta dwar dan il-każ li issa ngħalaq b’mod pożittiv “qdejt dmiri sabiex inkun ta’ tarka għall-applikanti Maltin u għar-rwol tal-ilsien Malti bħala l-lingwa nazzjonali mitkellma fil-gżejjer Maltin.”

Tagħrif dwar il-Każ

Fost bosta rwoli, l-Uffiċċju tas-Semestru Ewropew jinkoraġġixxi t-tkabbir ekonomiku, jissorvelja l-kontijiet pubbliċi u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru u reżiljenza u jikkordina l-politika ekonomika u soċjali tal-Gvern. Dawn l-irwoli jinvolvu diskussjonijiet frekwenti ma’ diversi entitajiet u msieħba soċjali fuq livell lokali.

Għalhekk, l-uffiċċju tas-Semestru Ewropew għandu fergħat fi ħdan ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’kull Stat Membru. Sorsi nfurmati jgħidu li skond ftehim mhux miktub fi ħdan il-Kummissjoni, f’dawn l-irwoli jintagħżlu dejjem kandidati ċittadini tal-pajjiż fejn ikunu qed iservu.

Il-Kummissjoni Ewropea saħqet li l-kandidat magħżul, li ġej mil-Latvja, seta’ faċilment iwettaq dmiru peress li f’Malta wieħed jista jikkomunika bl-Ingliż mingħajr xkiel. Għalkemm huwa fatt magħruf li f’Malta għandna l-prassi li d-dokumenti u l-korrispondenza uffiċċjali jinżammu bl-Ingliż, ir-rwol tal-uffiċċju tas-Semestru Ewropew imur bil-bosta lil hinn minn hekk u jikkonsisti wkoll f’diskussjonijiet ma diversi entitajiet lokali f’kull livell.

L-għarfien tal-lingwa lokali jgħinu sabiex wieħed japprezza l-kuntest lokali, il-kultura u d-drawwiet u b’hekk jikseb stampa ħafna iżjed ċara tal-kwistjoni nvoluta.

Il-ħaddiema tal-Kummissjoni Ewropea fl-uffiċċju lokali huma l-katina bejn Brussell u l-Gvernijiet fuq livell lokali, il-komunità u ċ-ċittadini. L-impjieg ta’ persuni li ma jkunux f’qagħda li jintegraw b’mod sħiħ u jifhmu l-ambjent u ċ-ċirkostanzi lokali jxejjen l-iskop li għalih dawn l-uffiċċji ġew ibbażati fl-Istati Membri. Korrispondenza u diskussjonijiet formali jistgħu faċilment jitwettqu mill-uffiċċju tal-Kummissjoni fi Brussell.

Bla dubju, l-għarfien tal-ilsien Malti jgħin lill-ħaddiem li jinsab f’Malta sabiex jifhem aħjar il-messaġġ mibgħut mill-komunità lokali u sabiex japprezza l-limitazzjonijiet u l-ostakli li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini Maltin.

Ekonomija

Sport