Il-MPE Alex Agius Saliba qiegħed jifforma parti minn delegazzjoni uffiċjali fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tirrappreżenta lill-Parlament Ewropew fil-15-il sessjoni tal-Konferenza tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Bħala rapporteur għar-rapport dwar il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità u bħala rappreżentant tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti għall-persuni b’diżabilità fil-Parlament Ewropew, il-MPE Agius Saliba jinsab fi New York biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
“Din id-Delegazzjoni hija importanti ħafna għalina bħala l-Unjoni Ewropea għaliex iżżommna infurmati dwar il-ħidma li għaddejja min-Nazzjonijiet Uniti u tgħinna nissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Aħna ser ikollna wkoll kuntatt ma’ stati partijiet oħra, u ser ikollna ċ-ċans naqsmu l-aħjar prattiki, nitgħallmu dwar l-isfidi li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilità, u niskambjaw fehmiet mal-għaqdiet mhux governattivi fil-livell internazzjonali,” ikkummenta l-MPE Agius Saliba.
Id-delegazzjoni hija magħmula minn Membri Parlamentari Ewropej li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, li huma membri tal-qafas ta’ monitoraġġ tal-UNCRPD tal-Unjoni Ewropea, u Rapporteurs dwar is-suġġetti relatati mal-persuni b’diżabilità.
Il-MPE Agius Saliba kontinwament appella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jimplimentaw għadd ta’ inizjattivi. “L-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,” qal il-MPE Agius Saliba, li qed jaħdem ukoll fuq rapport ieħor bit-titolu “Lejn drittijiet ugwali għall-persuni b’diżabilità”.
Wara li kiteb u nnegozja l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità fl-Unjoni Ewropea, il-MPE Agius Saliba qed jorganizza diversi laqgħat ma’ diversi gvernijiet u għaqdiet mhux governattivi biex jaqsmu l-aħjar prattiki u jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jgħixu fis-soċjetà, ħielsa mid-diskriminazzjoni u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.