Saturday, November 23, 2024

Il-MPE Alex Agius Saliba jitkellem f’avveniment tal-Politico dwar xogħol diġitali għall-SMEs Ewropej

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-MPE Labursta Alex Agius Saliba ħa sehem f’diskussjoni mqanqla f’avveniment virtwali tas-sit awtorevoli Politico dwar il-ħidma diġitali għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju.

“Kien ta’ pjaċir għalija li r-rapport tiegħi, u b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet dwar kif wieħed jista’ jħaddem l-ekonomija diġitali biex jiġu mgħejjuna intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju biex jgħaddu mill-kriżi attwali, ġew diskussa waqt dan l-avveniment ta’ livell għoli. Inħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea biex tħaddan il-proposti tiegħi fl-Att dwar is-servizzi diġitali li ser jiġi propost, peress li dawn se jkunu kruċjali jekk irridu ngħinu lill-SMEs Ewropej fil-qabża għad-diġitalizzazzjoni,” qal il-MPE Agius Saliba.

F’dan l-avveniment, il-partijiet interessati qajmu diskussjoni mqanqla dwar l-isfidi u l-ostakli tal-SMEs u tal-intraprendituri biex jagħmlu l-qabża diġitali, filwaqt li ħarsu lejn soluzzjonijiet prattiċi biex jipprovdu ambjent diġitali aħjar għal dawn l-intrapriżi fl-Ewropa.

L-ekonomija Ewropea qiegħda kull ma jmur issir dejjem aktar diġitalizzata, u din ix-xejra żdiedet matul il-pandemija, peress li ħafna negozji kellhom jaqilbu għal mudelli ta’ negozju diġitali biex jissopravvivu l-perjodi ta’ lockdowns, li għamluha ferm aktar diffiċli għall-intrapriżi żgħar u medji.

Matul l-avveniment, il-MPE Agius Saliba enfasizza li l-COVID-19 kienet detrimentali ferm għal dawn l-intrapriżi madwar l-Ewropa, u qal li l-kriżi attwali wriet kemm l-Ewropa u l-Istati Membri ma kienux preparati. “Jeħtieġ li nistabbilixxu mudelli ġodda ta’ negozju u nappoġġjaw lin-negozji Ewropej, l-aktar lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, mikrointrapriżi, u persuni li jaħdmu għal rashom.” qal il-MPE.

Huwa enfasizza wkoll li l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka fuq it-tnaqqis tal-ostakoli għad-dħul fis-suq, fuq ir-regolamentazzjoni ta’ pjattaformi kbar, u fuq l-iżgurar li s-swieq diġitali jkunu ġusti u trasparenti. Agius Saliba spjega li jeħtieġ li jinħolqu aktar opportunitajiet u li l-Unjoni għandha taħdem aktar biex tiftaħ is-swieq għal parteċipanti ġodda, SMEs, u start-ups.

“Neħtieġu ġenerazzjoni ġdida tal-istrateġija diġitali tal-Unjoni Ewropea għall-intrapriżi żgħar u medji, li tiġbor dak kollu li jeżisti għal dawn l-intrapriżi taħt kappa waħda, biex jittaffew l-effetti negattivi tal-lockdowns u biex fl-aħħar mill-aħħar, in-negozji jiġu mgħejjuna jirkupraw malajr.” ikkonkluda l-MPE Agius Saliba.

Sport