Il-MPE Alex Agius Saliba mexxa delegazzjoni ta’ Membri tal-Parlament Ewropew mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi f’Washington D.C. f’serje ta’ laqgħat mas-Senaturi u r-Rappreżentanti tal-Istati Uniti u ma’ membri mill-Amministrazzjoni Biden fil-White House. L-għan ta’ din iż-żjara kien li jiġu diskussi suġġetti ewlenin relatati mal-leġiżlazzjoni Ewropea fis-settur diġitali u l-protezzjoni tal-konsumaturi.
“F’Washington organizzajt diversi laqgħat mad-Deputat Kap tad-Dipartiment tal-Kummerċ Amerikan kif ukoll mat-tmexxija tal-Kunsill Atlantiku. Matul il-laqgħat ma’ rappreżentanti minn uħud mill-akbar kumpaniji tal-Istati Uniti, spjegajt il-kisbiet kbar tagħna f’termini ta’ leġiżlazzjoni fl-isfera diġitali, peress li l-effett ta’ dak li għamilna fl-Ewropa se jinħass sew fl-Istati Uniti wkoll”, qal Alex Agius Saliba.
Bl-għan li jissaħħaħ id-djalogu parlamentari transatlantiku li huwa meqjus bħala wieħed kontinwu u sinifikanti, il-MPE Alex Agius Saliba ltaqa’, fost l-oħrajn, mas-Senatur Demokratiku Elizabeth Warren, li magħha ddiskuta l-kooperazzjoni transatlantika dwar kwistjonijiet bħall-antitrust u l-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumatur, it-trasparenza u r-responsabbiltà algoritmiċi, is-sikurezza online tat-tfal u l-ħtieġa li jiġi evitat li l-ftehimiet kummerċjali jiġu użati mill-kumpaniji l-kbar tat-teknoloġija kontra l-konformità regolatorja. Matul dawn il-laqgħat f’Capitol Hill, id-diskussjonijiet iffukaw fuq it-tagħlimiet u l-isfidi tal-Att tal-UE dwar is-Servizzi Diġitali, mill-kamp ta’ applikazzjoni sal-infurzar, kif ukoll l-approċċi kontrastanti tal-UE u tal-Istati Uniti għall-Intelliġenza Artifiċjali (IA). Il-laqgħat inkludew ukoll diskussjoni usa’ dwar id-diżinformazzjoni, l-estremiżmu u r-regolamentazzjoni tal-IA, it-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà u kwistjonijiet ta’ ċibersigurtà.
Iż-żjara tad-delegazzjoni mmexxija minn Alex Agius Saliba, Viċi President għall-Innovazzjoni, l-IA u Ewropa diġitali b’saħħitha għal kulħadd, ġiet ippjanata ġimgħa biss qabel ma l-Plenarja tal-Parlament Ewropew adottat il-pożizzjoni tagħha dwar il-leġiżlazzjoni storika tal-UE dwar l-IA. Iż-żjara tibni wkoll fuq l-influwenza qawwija tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fit-tiswir tar-rwol ewlieni tal-UE fit-tiswir ta’ standards globali, mis-servizzi u s-swieq diġitali, sad-data, il-privatezza u ċ-ċibersigurtà.
“Dak li inti u l-kollegi tiegħek fil-Parlament Ewropew wettaqtu biex tipproteġu lill-konsumaturi fid-dinja diġitali hija ħolma u ambizzjoni għalija bħala Senatur li xi darba dan jiġri wkoll fl-Istati Uniti,” iddikjarat is-Senatur tal-Istati Uniti u l-ex kandidat tal-Partit Demokratiku għall-Primaries Presidenzjali tal-2020, Elizabeth Warren.