Sunday, November 24, 2024

Il-MPE Cutajar deskritta bħala difensur bla heda ta’ Malta u l-gżejjer Ewropej 

Aqra wkoll

“Difensur bla heda ta’ Malta u l-gżejjer Ewropej.” Hekk ġiet deskritta il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar fl-aħħar sessjoni ta’ laqgħat tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (REGI) għal dan il-mandat, miċ-Ċerpersin tal-istess Kumitat Younous Omarjee li rringrazzja għall-ħidma sfieqa tagħha. 

F’din is-sessjoni, li kienet tinkludi preżentazzjoni u diskussjoni tal-implimentazzjoni b’suċċess ta’ Malta tal-fondi Ewropej ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014–2020 u t-tranżizzjoni għall-perjodu attwali sal-2027, Cutajar irreferiet għal eżempji pożittivi f’oqsma varji bħat-trasport, l-enerġija, is-saħħa, il-kultura u l-ambjent.

Josianne Cutajar għamlet referenza partikolari għall-qasam edukattiv, bħall-boroż ta’ studji u l-iskemi Endeavour u Reach, kif ukoll rinnovazzjoni infrastrutturali fl-MCAST. Il-MPE saħqet li l-investiment fil-ħiliet u r-riżorsa umana huma l-aqwa investiment għalina.

“Minkejja l-benefiċċji li dawn il-fond ġabu magħhom, għad fadal ħafna ħidma xi ssir biex id-disparitajiet territorjali, inkluż f’pajjiżna, bejn Għawdex u Malta, jiġu indirizzati, kif għad fadal ħafna xogħol xi jsir biex verament tinkiseb ġustizzja mal-gżejjer tagħna,” stqarret il-MPE Josianne Cutajar.,

Il-MPE Josianne Cutajar għalqet b’appell lill-Membri Parlamentari Ewropej futuri biex ikomplu jibnu fuq il-ħidma li wettqet fil-ġlieda tagħha għal ġustizzja Ewropea mal-gżejjer tagħna. Hi rreferiet għar-Rapport dwar il-Gżejjer li nneozjat għan-nom tas-Soċjalisti u l-importanza li t-talbiet tiegħu jiġu implimentati b’mod effettiv. “Dan biex nassiguraw li jkollna politika ta’ koeżjoni li taħdem għal kulħadd, li taħdem anke għal reġjuni żvantaġġjati bħal gżejjer Maltin u Għawdxin,” temmet Dr Cutajar.

Sport