Monday, October 28, 2024

Il-MPE Cutajar ittenni l-impenn lejn Settur Marittimu Sostenibbli u Kompetittiv fi żjara fil-Port Ħieles

Aqra wkoll

Fi żjara fil-Malta Freeport f’Birżebbuġa, il-MPE Josianne Cutajar kellha taħdidiet produttivi mas-CEO Alex Montebello, flimkien ma’ rappreżentanti oħra tal-Malta Freeport Terminals Limited. Din iż-żjara kienet l-aħħar waħda f’sensiela ta’ laqgħat ma’ stakeholders li kellha fi Brussell f’dawn l-aħħar xhur, inkluż ma’ rappreżentanti mill-Malta Maritime Forum u l-European Network of Maritime Clusters.

Matul din il-laqgħa, ġew diskussi l-effetti tal-liġi riveduta dwar l-Iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fil-qasam marittimu (ETS), taxxa ġdida bl-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vapuri, li hi mistennija li tibda tiġi fis-seħħ mis-sena d-dieħla. Hawnhekk, il-MPE Cutajar enfasizzat l-importanza tal-kollaborazzjoni kontinwa bejn l-istakeholders privati u pubbliċi, kemm fuq livell lokali kif ukoll Ewropew, biex nindirizzaw l-isfidi li għandna quddiemna.

Il-liġi kif inhi, mingħajr ma jsiru l-emendi u l-azzjonijiet korrettivi oħra li hemm bżonn f’waqthom, bħall-inklużjoni ta’ aktar portijiet kompettitivi mill-Afrika ta’ Fuq taħt is-sistema tal-ETS, se tkun waħda kontroproduttiva. Dan għaliex se taffetwa b’mod negattiv il-kompetittività tal-portijiet Maltin u portijiet oħra tal-UE fil-Mediterran, hekk kif ħafna mill-attivita’ qed tittrasferixxi ruħha lejn portijiet tal-Afrika ta’ fuq li għandhom anqas obbligi kif ukoll standards ambjentali aktar baxxi.

Mill-mument li beda x-xogħol fuq ir-reviżjoni ta’ din il-liġi fil-Parlament Ewropew, sal-lum, il-MPE Cutajar proponiet diversi emendi, intervjeniet fil-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni u qed tkompli tagħmel pressjoni kontinwa fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa u tindirizza din ir-realtà malajr kemm jista’ jkun, realta’ li ġġorr magħha riskji ta’ żidiet fil-prezzijiet u impatt negattiv fuq l-impjiegi.

Dr Josianne Cutajar tenniet li t-triq ‘l quddiem hi waħda ta’ kollaborazzjoni ma’ pajjiżi tal-UE u stakeholders affettwati b’mod simili, flimkien ma’ impenn u pressjoni kostanti fuq il-Kummissjoni Ewropea, inkluż biex jittieħdu azzjonijiet korrettivi f’waqthom u jiġu indirizzati r-riskji eżistenti għall-portijiet Ewro-Mediterranji, bħal dak Malti, li qed jiġu milquta.

Matul iż-żjara tagħha, Dr Cutajar kellha wkoll l-opportunità li tiddiskuti l-ħidma diġitali li qed twettaq fuq livell Ewropew u li tara b’mod dirett l-aħħar investimenti diġitali fil-Malta Freeport, fejn esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-użu ta’ għodod diġitali biex tiġi żgurata aktar kompetittività, effiċjenza, sostenibbiltà, u fuq kollox, sigurtà għall-ħaddiema.

Sport