F’intervent plenarju fis-sessjoni ta’ Strasburgu ta’ din il-ġimgħa, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar enfasizzat li fid-dawl tal-isfidi dejjem jiżdiedu li jiffaċċjaw ir-reġjuni żvantaġġati, inkluż il-gżejjer, jeħtieġ li tingħata aktar flessibbiltà fl-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ dawn ir-reġjuni; punt li hija enfasizzat kontinwament fil-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew, inkluż permezz tar-Rapport dwar il-Gżejjer u l-Politika ta’ Koeżjoni li hija nnegozjat, kif ukoll f’diversi skambji preċedenti mal-Kummissjoni Ewropea.
Matul dan id-dibattitu, li sar b’reazzjoni għall-adozzjoni riċenti tal-qafas temporanju għall-kriżijiet u l-konsultazzjoni attwali dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti de minimis, Cutajar, flimkien ma’ membri oħra tal-Kumitat għall-Politika Reġjonali (REGI), ħeġġet lill-Kummissjoni biex tagħti prijorità lill-prinċipji ta’ koeżjoni meta tirrevedi r-regoli de minimis, inkluż fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.
“L-ugwaljanza mhix ekwità”, insistiet il-MPE. L-ugwaljanza tittratta lir-reġjuni kollha l-istess, filwaqt li l-ekwità tirrikonoxxi li kull reġjun għandu ċirkostanzi differenti u talloka r-riżorsi u l-opportunitajiet meħtieġa biex jintlaħaq riżultat ugwali, kompliet Cutajar.
“Assistenza addizzjonali lir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi serji u permanenti hija meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli, qalba b’suċċess lejn teknoloġiji nodfa, kif ukoll biex jiġi indirizzat l-impatt miżjud tal-pandemija, tal-kriżi tal-enerġija u tal-inflazzjoni. Għandha tqis ukoll ir-restrizzjonijiet addizzjonali tas-suq tax-xogħol, l-ispejjeż żejda għall-importazzjoni tal-materja prima u l-prodotti għall-konsumatur; realtajiet li jaffaċċjaw il-gżejjer tagħna b’mod kontinwu,” osservat l-MPE Josianne Cutajar.
Dr Cutajar qalet li bħala Membru Parlamentari Ewropew li tirrappreżenta Stat Membru magħmul mill-gżejjer, hija rat b’mod dirett kif ir-realtajiet u l-ispeċifiċitajiet taċ-ċittadini u n-negozji li ġejjin mill-gżejjer ta’ spiss jiġu injorati, xi drabi taħt il-pretenza tal-protezzjoni tas-Suq Intern. Wasal iż-żmien li “kwalunkwe reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tinkorpora l-prinċipju ta’ ‘la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni’, u tagħti l-attenzjoni speċifika mistħoqqa liċ-ċittadini u lin-negożji, inkluż dawk żgħar u medji, li ġejjin mill-gżejjer tagħna, sabiex ma tħallihomx jaqgħu lura,” ikkonkludiet Josianne Cutajar.