Thursday, November 7, 2024

Il-MPE Cyrus Engerer appuntat f’4 Kumitati tal-Parlament Ewropew u f’2 delegazzjonijiet

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew alloka l-ħidma lill-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer għaż-żmien li ġej. F’dikjarazzjoni lill-Plenarja tal-Parlment Ewropew, tħabbar li se jkun membru sħiħ f’żewġ kumitati, dak tal-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-ikel (ENVI), kif ukoll il-Kumitat għall-Ġlieda Kontra l-Kanċer (BECA).

“Filwaqt li l-Ambjent hu settur ferm għal qalbi fejn qed inħares li naħdem primarjament dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, t-tħaddir taż-żoni urbani u l-protezzjoni tal-ambjent naturali, il-ħidma f’dan il-perjodu se tkun qed tiffoka ħafna fuq il-qasam tas-saħħa u allura l-ġlieda kontra l-pandemija Covid-19 u li l-vaċċin jitqassam madwar l-Unjoni Ewropea kollha fl-iqsar żmien,’ qal Engerer waqt li saħaq li aktar koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa hi importanti għall-ġid tal-pazjenti kollha, mhux biss waqt iż-żmien tal-pandemija biss, iżda anke matul is-sena kollha, speċjalment biex tingħeleb il-marda tal-kanċer.

Apparti dawn il-kumitati, il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi ħatar lill-MPE Cyrus Engerer bħala sostitut fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u l-Intern (LIBE), kif ukoll il-Kumitat dwar l-Intrapiża, r-Riċerka u l-Enerġija (ITRE).

Engerer spjega kif waqt li ħadem ħajtu kollha biex f’pajjiżna jiddaħħlu libertajiet ċivili ġodda, mill-introduzzjoni tad-divorzju għall-ugwaljanza ta’ persuni LGBTIQ, se jkompli jaħdem issa fuq il-livell Ewropew biex tidħol fis-seħħ bl-iktar mod b’saħħtu l-istrategija li tnedniet mill-Kummissjoni Ewropea għall-ugwaljanza LGBTIQ fl-Ewropa. “Apparti l-libertajiet ċivili li huma importanti, fil-kumitat LIBE se jkolli fuq spallejja d-dmir li nispjega l-avvanzi l-kbar li għamel pajjiżna fl-oqsma tal-governanza tajba u s-saltna tad-dritt bil-ħidma dwar l-immigrazzjoni fuq quddiem nett tal-aġenda fiż-żmien li ġej,” qal Engerer.

Dwar is-sehem tiegħu fil-Kumitat ITRE, Engerer qal li hekk kif qed jidher xaqq ta’ dawl bil-vaċċin kontra l-virus Covid-19 fil-qrib, hu importanti li l-Unjoni Ewropea tagħti sinjal ta’ fiduċja lill-industrija madwar l-Unjoni Ewropea kollha. “Dan iż-żmien għallimna l-importanza ta’ iktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni biex meta jinqalgħu sfidi bħal ma kienet dik tal-imxija tal-pandemija, l-Ewropa tkun lesta bl-aktar teknoloġiji avvanzati u l-aħjar imħuħ biex taffaċċja kwalunkwe sitwazzjoni,” temm jgħid Engerer.

Fl-istess dikjarazzjoni, l-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew ikkonferma lil Cyrus Engerer bħala membru sħiħ fid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-penisola Koreana u sostitut fid-delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Mashreq.

Sport