Monday, December 23, 2024

Il-MPE Cyrus Engerer maħtur bħala l-ewwel deputat Malti fil-Kumitat għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza tal-ġeneru tal-PE

Aqra wkoll

“Ma nistax ma nagħmel xejn quddiem l-inġustizzji kollha li jsiru kontra n-nisa fl-Ewropa. Ilkoll għandna nagħmlu l-almu tagħna, kemm f’darna, fuq il-postijiet tax-xogħol, fl-ibliet u l-irħula tagħna u l-bqija tal-Ewropa, biex jinqered l-iżbilanċ tal-ġeneru. F’xogħli fi ħdan dan il-Kumitat, hekk beħsiebni nagħmel.” – Il-MPE Engerer

L-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer għadu kif ġie magħżul biex jirrappreżenta lill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew fil-ħidma tal-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Ġeneri (FEMM). Engerer se jkun l-ewwel deputat Malti appuntat fi ħdan dan il-kumitat, minn minndu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-2004.

“Ma nistgħux navvanzaw lejn l-ugwaljanza jekk se nibqgħu passivi,” saħaq Engerer mal-ħatra tiegħu. ”Hemm ħafna xogħol li rriedu nagħmlu minnufih, fosthom il-ġlieda għall-ugwaljanza ta-ġeneru, il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u l-femiċidji, u l-ġlieda biex nassiguraw li kull mara jkollha l-istess opportunitajiet biex tavvanza fis-soċjeta’ tagħna.”

Minndu ġie elett fil-Parlament Ewropew, Engerer kien fuq quddiem nett tal-ġlieda għad-drittijiet tan-nisa fil-ħidma Parlamentari tiegħu. Huwa kompla blli spjega kif il-femiċidju riċenti ta’ Paulina Dembska, li ħasad lil Malta u qajjem protesti fil-pajjiż, spirah biex jieħu aktar azzjoni konkreta fil-qasam tal-ugwaljanza tal-ġeneru. 

“Dan l-episodju ikrah ġiegħlni naħseb aktar dwar kemm aħna polarizzati bħala pajjiż, anke fuq il-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Għandna lkoll ningħaqdu flimkien u nsibu is-soluzzjonijiet. Fil-preżent, hemm 81-il mara parti mill-Kumitat FEMM, iżda 19-il raġel biss. Minkejja dan, il-diskussjonijiet f’dan il-Kumitat jaffetwaw il-ġeneri kollha. Il-Patrijarkija tweġġa lill-irġiel bl-istess mod li tweġġa’ lin-nisa u lill-bqija tas-soċjetà”, spjega Engerer. 

Huwa spjega li l-għan tiegħu bħala Membru Malti fil-Kumitat FEMM hu li jinbena pont bejn is-soċjeta’ kollha biex niżguraw li qiegħdin tassew insibu soluzzjonijiet komuni, għal problemi komuni. 

“Il-Patrijarkija ma tfissirx li nagħtu aktar valur lil dak li hu maskili, iżda li niddisprezzaw lil dak li hu femminili – u dan iweġġa’ lill-ġeneri kollha, inkluż lill-irġiel. Kemm-il darba smajna l-frażi, “l-irġiel ma jibkux” jew “ejja, kun raġel!” meta l-irġiel jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom? Kif inhu possibli li għadna ngħidu dawn l-affarijiet f’soċjeta’ fejn tmienja minn kull għaxar persuni li jieħdu ħajjithom b’idejhom huma rġiel? Il-problema hi l-patrijarkija. Hawn nies minn kull ġeneru li qiegħdin imutu minħabba l-patrijarkija.”

“Dan kollhu inaċċettabli, iżda għadu jiġri speċifikament għaliex is-soċjeta’ tagħna għadha tiddisprezza lin-nisa u kull ma hu femminili, filwaqt li drabi oħrajn tiżbalja billi tirreferi għall-empatija bħala femminili. Dan jeħtieġ li jinbidel. Il-Kumitat FEMM jirrikonoxxi li dan irid jinbidel fis-soċjeta’ tagħna, u jiena lest li nxammar idi,” kkonkluda Engerer. 

Il-ħidma tal-Kumitat FEMM titratta liġijiet li jirrelataw mad-drittijiet tan-nisa, fosthom il-vjolenza domestika, l-femiċidji, d-drittijiet tal-familja, u l-parteċipazzjoni tan-nisa f’kull livell tas-soċjeta’. Apparti li tassigura ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-bilanċ politiku, il-kumitat jiddedika ruħu biex jipproteġi d-drittijiet u l-valuri tan-nisa, filwaqt li juttilizzahom biex tissaħħaħ l-ekonomija. 

Il-prijoritajiet tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-kumitat FEMM huma li jittejbu d-drittijiet ta’ leave, kemm għall-maternita’ u anka għall-paternita’, l-promozzjoni ta’ trattament u paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, u li jitqassmu ugwalment ir-risponsabilitajiet bejn in-nisa u l-irġiel.

Ekonomija

Sport