Thursday, December 26, 2024

Il-MPE Daniel Attard: Impenn sħiħ għall-ħarsien tal-interessi ta’ Malta u l-istati gżejjer tal-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

F’laqgħa importanti mal-Island Nations Advocacy Group (INAG), l-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard tenna l-impenn sħiħ tiegħu li jiddefendi l-interessi ta’ Malta u Għawdex u l-istati gżejjer tal-Unjoni Ewropea. INAG, li jirrappreżenta l-interessi tat-trasport ta’ pajjiżi li jbatu mill-insularità bħalma huma Malta, Ċipru u l-Irlanda, qed jitlob għal politika li tagħraf l-isfidi loġistiċi u ekonomiċi uniċi li dawn l-istati jaffaċċjaw.

Il-laqgħa saret fil-kuntest tar-rebħa riċenti ta’ Malta fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li ħassret regoli inġusti fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u li kienu se jitfgħu piżijiet sproporzjonati fuq iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. “Din is-sentenza hija pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda għad baqa’ ħafna x’isir biex nassiguraw li l-istati gżejjer ma jiġux imwarrba fil-politika tat-trasport tal-UE,” tenna Attard.

Il-laqgħa tal-lum iffokat fuq ir-riforma għad-Direttiva tat-Trasport Kombinat, biex din tagħraf bis-sħiħ l-isfidi speċifiċi tal-istati gżejjer, speċjalment id-dipendenza tagħhom fuq rotot marittimi. Attard saħaq li għalhekk, ir-riforma trid tqis ir-realtajiet operazzjonali u finanzjarji li jaffaċċjaw l-istati gżejjer madwar l-Ewropa.

Ġiet diskussa wkoll il-kwistjoni urġenti tan-nuqqas ta’ sewwieqa fis-settur tat-trasport tal-merkanzija Ewropew, b’enfasi fuq il-pajjiżi li jinsabu fil-periferija tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, iż-żewġ naħat qablu fuq il-ħtieġa tar-riforma għad-Direttiva tal-Liċenzji tas-Sewwieqa, u dan mhux biss fl-interess nazzjonali imma tal-Ewropa kollha. Għaldaqstant, ir-regoli attwali jeħtieġ li jinbidlu biex jilħqu l-ħtiġijiet tas-settur tat-trasport tal-lum.

Daniel Attard ikkonkluda li lil hinn mid-diskors, huwa se jibqa’ kommess li permezz ta’ ħidmietu fil-Parlament Ewropew, Malta u Għawdex u l-istati gżejjer Ewropej ma jitpoġġewx fl-istess keffa u jingħataw ir-rispett dovut lejn iċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom.

Ekonomija

Sport