Tuesday, January 20, 2026

Il-MPE Daniel Attard jippreżenta emendi biex jipproteġi liċ-ċittadini, lill-ħaddiema self-employed u lill-SMEs

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Daniel Attard ippreżenta emendi għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riforma tat-testijiet tal-VRT tal-vetturi, bil-għan li jipproteġi liċ-ċittadini, lill-ħaddiema self-employed u lill-intrapriżi żgħar u medji minn regoli sproporzjonati u inflessibbli. Attard, li huwa membru sħiħ tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) tal-Parlament Ewropew, sostna li filwaqt li huma meħtieġa standards għoljin ta’ sigurtà fit-toroq u protezzjoni ambjentali, il-qafas propost ma jirriflettix kif il-vetturi jintużaw fil-prattika f’diversi Stati Membri, b’mod partikolari f’pajjiżi żgħar bħalma hi Malta.

L-emendi tiegħu kienu mmirati biex jiġu rikonoxxuti vetturi klassiċi, antiki, sportivi u vetturi oħra li ma jinstaqux fit-toroq b’mod regolari bħall-kumplament tal-vetturi l-oħra u li għalhekk jinstaqu għal ferm inqas kilometri. L-argument ta’ Attard huwa li għaldaqstant dawn m’għandhomx jiġu rregolati bl-istess mod bħalma huwa propost li jiġu rregolati vetturi li jintużaw kuljum.

Attard indirizza wkoll bidliet proposti li jaffettwaw vetturi kummerċjali u argumenta li testijiet annwali uniformi ma jqisux id-distanza, l-istandards tal-emissjonijiet Ewropej u r-realtajiet territorjali. Huwa wissa li ħaddiema self-employed u SMEs se jkunu penalizzati b’mod inġust minn regoli li ma jiddistingwux bejn użu intensiv u użu limitat tal-vetturi.

L-emendi ta’ Attard qed jipproponu approċċ ibbażat fuq ir-riskju u fuq id-distanzi li jagħmlu l-karozzi, filwaqt li qed iżommu b’saħħithom is-salvagwardji ta’ sigurtà u protezzjoni ambjentali, u fl-istess ħin jipproteġu liċ-ċittadini u jappoġġjaw l-attività ekonomika lokali. Dawn jirriflettu l-prinċipju li jiggwida l-ħidma Parlamentari ta’ Attard; dik li filwaqt li l-Ewropa għandha tqis lil kulħadd indaqs u għaliex Malta m’għandha xejn inqas minn Stati Membri oħra, din m’għandha qatt tpoġġi lil kulħadd fl-istess keffa u għandha tqis ir-realtajiet differenti ta’ gżiritna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport