Friday, November 15, 2024

Il-MPE Josianne Cutajar b’ħidma għar-rikonoxximent aktar b’saħħtu tad-drittijiet diġitali

Aqra wkoll

Il-MPE Josianne Cutajar, flimkien ma’ numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej oħrajn mill-Grupp tas-Soċjalisti, iffirmat ittra li ssejjaħ għal Karta Ewropea għad-Drittijiet Diġitali. Fl-ittra lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, il-Membri Parlamentari Ewropej jgħidu li għalkemm sar ħafna progress fejn tidħol id-diġitializzazzjoni, issa hemm bżonn ta’ kuntratt soċjali ġdid li jirregola soċjetà ġusta u inklussiva fil-kuntest diġitali.

Il-Membri Parlamentari Ewropej saħqu li dawn id-drittijiet għandhom ikunu għall-Ewropej mill-Ewropej, u għaldaqstant permezz tal-Konferenza tal-Futur tal-Ewropa hemm bżonn li jingħataw spinta proposti bħar-rikonoxximent tal-aċċess għall-internet bħala dritt uman.

Dr Josianne Cutajar, ilha timbotta d-dħul fis-seħħ tal-aċċess għall-internet bħala dritt uman sa’ mis-sena li għaddiet. Intant, f’mistoqsija lill-Kumissjoni Ewropea proponiet li l-Kummissjoni tikkunsidra passi fir-rigward.

Dan hu punt li aċċennat għalih ukoll kemm-il darba fil-ħidma parlamentari tagħha anke fil-kuntest tal-plenarja tal-Konferenza tal-Futur tal-Ewropa, fejn bħala r-rappreżentanta Maltija f’isem is-Soċjalisti tifforma parti tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-qasam Diġitali.

Fl-aħħar nett, il-MPE Cutajar saħqet li f’dinja li qed tinbidel, hemm bżonn li jiġu aġġornati l-liġijiet u anke d-drittijiet umani minn żmien għal żmien. “Kburija li qed nimbotta għal drittijiet li jassiguraw li dawk l-aktar vulnerabbli, u s-soċjeta’ in ġenerali, ikollhom aċċess għal aktar servizzi, tagħrif, komunikazzjoni u ħidma aħjar permezz tal-internet. Permezz tal-pressjoni li qed nagħmlu jien u l-kollegi, irridu niżguraw li fiż-żmien li ġej naraw aktar ħidma konkreta mill-istituzzjonijiet Ewropej fejn jidħol it-tisħiħ tad-drittijiet diġitali”, ikkonkludiet l-MPE.

Ekonomija

Sport