Friday, December 27, 2024

Il-MPE Josianne Cutajar tinħatar bħala negozjatriċi tal-liġi dwar il-Kirjiet Qosra

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar inħatret bħala n-negozjatriċi f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu fir-rigward ta’ proposta ġdida għal Regolament dwar il-Kiri għal Żmien Qasir. 

Ir-regoli proposti se jtejbu t-trasparenza, il-ġbir u l-qsim tad-data, mis-sidien u l-pjattaformi online, filwaqt li se jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd. Il-konsumaturi se jkomplu jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ għażliet ta’ akkomodazzjoni; lukandi u sidien t’akkomodazzjoni tradizzjonali se jkunu jistghu jikkompetu b’kundizzjonijiet aktar ekwi ma’ sidien t’appartamenti jew propjeta’ offruta ghal kirjiet qosra; filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi se jkollhom appoġġ legali msaħħaħ għall-aċċess tad-data u informazzjoni.

Intant, dan se jgħin lill-awtoritajiet lokali jfasslu politika u liġijiet li jwasslu għal turiżmu aktar sostenibbli, filwaqt li jindirizzaw l-isfidi li jġib miegħu s-suq tal-kiri għal żmien qasir, u jwieġbu aħjar għat-tħassib tat-turisti u r-residenti tal-lokal.

F’kumment dwar il-ħatra tagħha, Dr Josianne Cutajar qalet li l-liġi li ġiet fdata taħdem fuqha hija waħda importanti peress li s-settur ta’ kirjiet għal żmien qasir żdied b’mod mgħaġġel sew f’dawn l-aħħar snin; mhux biss fl-Ewropa, iżda wkoll f’Malta u Għawdex. Filwaqt li dan il-mezz alternattiv ta’ akkomodazzjoni ġab miegħu diversi benefiċċji kemm għal dawk li jikru l-propjeta’ tagħhom u anke għat-turisti u l-konsumaturi, dan il-mudell qajjem ukoll ċerti sfidi, bħal elenkar mhux sikur u illegali, aktar domanda għall-iżvilupp tal-proprjeta’, b’impatt fuq il-prezzijiet tad-djar u l-ambjent, kif ukoll kwistjonijiet ta’ sikurezza u sigurtà.  

“Huwa ta’ privileġġ għalija li naħdem biex niżguraw kundizzjonijiet aktar ekwi kemm għas-sidien tal-akkomodazzjoni tradizzjonali, kif ukoll għal dawk tal-kirjiet qosra, filwaqt li niżguraw li tinżamm il-kwalità tal-prodott turistiku tagħna. Aktar data u informazzjoni hija l-muftieħ biex jiġu indirizzati aħjar l-aspetti negattivi, filwaqt li ngawdi l-benefiċċji li jirriżultaw minn kirjiet għal żmien qasir — u dan għall-aħjar interess tas-sidien, tal-pjattaformi online, tal-awtoritajiet pubbliċi, tat-turisti u l-konsumaturi, u fl-aħħar u mhux b’anqas tal-komunitajiet lokali”, ikkonkludiet il-MPE Cutajar.

Ekonomija

Sport