Monday, October 28, 2024

Il-MPE Josianne Cutajar tkompli tmexxi d-diskussjoni dwar il-Kirjiet għal Żmien Qasir fil-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

F’avveniment b’rabta mal-Kirjiet għal Żmien Qasir (STR), li ġie organizzat mill-MPE Josianne Cutajar flimkien mal-EU Travel Tech fil-Parlament Ewropew, Cutajar tkellmet dwar kif ir-Regolament Ewropew dwar l-STR se jkun l-ewwel pass kruċjali lejn mudell ta’ turiżmu aktar sostenibbli.

Il-MPE Cutajar, li kienet in-negozjatriċi ewlenija għall-pożizzjoni tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu, enfasizzat li l-leġiżlazzjoni tal-STR għandha tipprovdi ċertezza legali u serħan il-moħħ għal dawk kollha involuti — kemm jekk huma awtoritajiet lokali, sidien li jikru l-propjeta’ tagħhom, pjattaformi, lukandiera, turisti jew komunitajiet lokali. “Filwaqt li nassiguraw obbligi komuni ta’ qsim tad-data, irridu niżguraw li l-Unjoni Ewropea tintervjeni biss fejn verament tista’ żżid il-valur, filwaqt li tieħu wkoll kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi uniċi ta’ kull pajjiż u reġjun,” qalet il-MPE.

Dr Josianne Cutajar enfasizzat l-importanza li l-awtoritajiet lokali jkollhom aktar data biex jifhmu d-dinamika tas-suq li qiegħed ikompli jevolvi. Hi saħqet ukoll li għandna nħarsu lejn dan ir-Regolament il-ġdid bħala pass ’il quddiem għat-tfassil ta’ politika mmexxija mid-data, kif indikat ġustament mill-Professur tal-Liġi Christoph Busch waqt l-istess avveniment u fi studju dwar il-qasam li ġie ikkummisjonat mill-EU Travel Tech.

Il-MPE Cutajar għalqet billi estendiet il-gratitudni tagħha għal kull min hu involut f’dan il-proċess u enfasizzat l-importanza tat-tfassil ta’ liġijiet b’mod kollaborattiv, filwaqt li saħqet li qed tistenna bil-ħerqa n-negozjati mal-Kunsill dwar din il-liġi.

Sport