Id-Deputati Ewroparlamentari tal-Partit Laburista kienu vuċi waħda favur Malta f’dibattitu li sar fil-Parlament Ewropew dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Dan id-dibattitu b’kumbinazzjoni sar 8 ijiem wara li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment jikser il-liġi Ewropea.
Kienu l-MPE tal-Partit Nazzjonalista li mbuttaw biex isir dan id-dibattitu li dam għaddej madwar 40 minuta bis-sehem ta’ madwar 20 MPE biss, inkluż dawk Maltin. Matul id-dibattitu l-MPE tal-PN ħarġu b’attakk sfrenat fuq Malta, ewlieni fosthom David Casa li kien l-ewwel MPE li tkellem u ftaħar li d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja hija rebħa għal Malta. Peter Agius min-naħa l-oħra kritika lill-UE li damet 11-il sena biex ħadet azzjoni kontra Malta. Dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Casa u Agius ifissru li l-Partit Nazzjonalista kompla bil-gwerra qaddisa kontra Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej billi attakka u għamel ħsara lil pajjiżna. Filwaqt li jmorru jħammġu lil Malta barra, f’Malta Bernard Grech jgħid mal-midja li se jżommu dan il-programm.
Il-programm ta’ ċittadinaza Malti huwa l-uniku li ġie diskuss fil-Parlament Ewropew, bil-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba fl-intervent tiegħu qal li Malta se tirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea. Fakkar iżda li l-ebda pajjiż ieħor tal-UE li għandu programmi simili għal Malta ma sar dibattitu dwaru.
Il-MPE Daniel Attard sostna li l-għoti taċ-ċittadinanza tibqa’ kompetenza Maltija, u l-ebda sentenzza tal-Qorti Ewropea ma ċaħdet dan id-dritt. Fisser kif il-Qorti kkonfermat li l-istati membri jibqgħu fil-prinċipju, kompetenti biex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet taċ-ċittadinanza tagħhom.
Il-MPE Thomas Bajada qal li dan il-programm kien oriġinarjament approvat mill-Kummissjoni Ewropea u jirrispetta s-sovranità ta’ pajjiżna. Spjega kif bis-saħħa ta’ dan il-programm seta’ jsir investiment fil-komunitajiet u l-benesseri tan-nies, u ġew salvati l-impjiegi tul il-pandemija.
Mill-2014, meta daħal fis-seħħ sal-lum, dan il-programm iġġenera mal-€1.4 biljun. Il-maġġoranza assoluta tal-flus marru fil-Fond Soċjali tal-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF, illi mbagħad jintużaw fuq numru ta’ proġetti soċjali, kulturali u sportivi, fosthom fil-binja ta’ Puttinu f’Londra, ċentru tal-Caritas f’San Blas, mas-600 appartament ta’ housing soċjali, tagħmir mediku, investiment fl-atleti li ħadu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023, ġew salvati għadd ta’ każini tal-baned milli jiġu żgumbrati, kif ukoll ngħatat għajnuna lill-eluf ta’ ħaddiema u negozji fi żmien il-pandemija.
Bil-kampanja li għamel u għadu qed jagħmel kontra l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, permezz ta’ nies bħal Roberta Metsola, David Casa, Simon Busuttil, Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Robert Aquilina, il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex dawn il-proġetti ma jitwettqux.
Il-Partit Laburista jesprimi diżappunt li l-Partit Nazzjonalista qed jieħodha kontra l-poplu b’dan il-mod. Flok jitbiegħed mill-partiġġjaniżmu, il-Partit Nazzjonalista qed ikanta vittorja u jiftaħar li qed itellef l-opportunità li jinoħoloq ġid favur il-poplu Malti u Għawdxi, inaffar l-investimnet dirett barrani, u jpoġġi f’riskju investiment li sar minn Maltin fi propjetà biex tinxtara jew tinkera lil min jidħol f’dan il-programm.
Il-poplu jaf min verament jaħdem għalih biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu, u Partit Laburista fil-Gvern se jibqa’ jistinka biex jinstabu soluzzjonijiet ta’ benefiċċju għall-familji, ħaddiema u negozji Maltin u Għawdxin.