Il-MPE Laburisti nnominaw flimkien il-proġett taċ-Ċentru Terapewtiku għall-Adolexxenti tal-Ibwar għall-Premju taċ-Ċittadini Ewropej 2022 li hu mmexxi mill-Fondazzjoni Caritas Malta. Kull sena, il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi individwi u organizzazzjonijiet fl-Istati Membri tal-UE għall-kontribut eċċezzjonali tagħhom lejn is-soċjetà. Din is-sena, peress li hija s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ in-nominazzjonijiet għal proġetti mwettqa minn żgħażagħ Ewropej jew proġetti relatati maż-żgħażagħ.
L-MPE Alfred Sant, Alex Agius Saliba, Josianne Cutajar u Cyrus Engerer innominaw dan il-proġett bħala mudell rappreżentattiv tal-isforzi li taghmel is-soċjetà tagħna sabiex tgħin lil dawk l-adolexxenti li jkunu qegħdin jesperjenzaw diversi tbatijiet f’ħajjithom. Fl-2017, il-Caritas daħlet fi ftehim mal-gvern sabiex tiżviluppa programm speċjalizzat u tissorvelja l-bini taċ-ċentru.
Miftuħ uffiċjalment fl-2021, dan iċ-ċentru joffri programmi speċjalizzati kemm residenzjali kif ukoll oħrajn ta’ matul il-jum għal dawk l-adolexxenti li jabbużaw mid-droga li tħalli impatt negattiv fuq ħajjithom. Dawn il-programmi kienu bżonnjużi minħabba l-fatt li l-programmi maħsuba għall-adulti ma kinux adattati sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-adolexxenti u jkunu ta’ suċċess f’ħajjithom. Iċ-ċentru joffri wkoll numru ta’ servizzi psikoloġiċi b’kollaborazzjoni mal-familji ta’ l-adolexxenti kif ukoll ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom. Il-binja għandha kapaċità li tilqa’ 14-il adolexxent bħala residenti filwaqt li tilqa’ oħrajn li jkunu qed isegwu programmi ta’ matul il-jum.
Il-missjoni tal-Caritas hija li taħdem lejn il-qerda tal-faqar u tippromwovi l-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp uman. F’dan ir-rigward, hija toffri firxa ta’ servizzi lil dawk in-nies l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna fosthom li tipprovdi kenn u ikel għal dwak il-persuni bla dar u servizzi ta’ ‘counselling’ għal persuni li qed jissieltu mal-problema tal-konsum ta’ l-alkoħol b’mod eċċessiv u l-vizzju tal-logħob. F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, il-Caritas tagħmel sforzi kbar sabiex timmobilizza r-riżorsi meħtieġa biex tassisti lin-nies vulnerabbli kif agħmlet matul il-pandemija fejn ikkordinat it-tqassim ta’ 800 ikla kuljum. Barra minnhekk, minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, il-Caritas organizzat ġbir ta’ fondi sabiex tkun tista’ tagħti appoġġ għall-proġetti fl-Ukrajna kif ukoll lir-refuġjati fil-pajjiżi ġirien.