Thursday, December 26, 2024

Il-MPE Thomas Bajada jassigura impenn mill-KE għal azzjoni dwar is-sigurtà tas-sajjieda Maltin  

Aqra wkoll

Il-MPE Thomas Bajada jikseb impenn b’saħħtu għall-poplu Malti u Għawdxi mid-Deputat Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Gert Jan Koopman.

Waqt diskussjonijiet dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) mat-Tuneżija fil-Kumitat tal-Affarijiet Barranin (AFET) tal-Parlament Ewropew, il-MPE Bajada ressaq it-tħassib tiegħu dwar is-sajd illegali minn sajjieda Tuneżini u l-periklu li dan qed joħloq għas-sajjieda Maltin u Ewropej. Is-Sur Koopman irrikonoxxa s-sitwazzjoni u wiegħed li se jressaq din il-kwistjoni fuq livell għoli waqt missjoni tal-UE fit-Tuneżija fil-jiem li ġejjin.

Bajada, l-uniku MPE Malti li jservi fuq il-Kumitat tas-Sajd (PECH) u fid-delegazzjoni għar-relazzjoni mal-pajjiżi Maghreb, kontinwament iqajjem il-kwistjoni tal-infurzar tar-regoli minn pajjiżi terzi, li ġew miftiehma reġjonalment fil-kuntest tas-sajd fil-Mediterran.

Huwa saħaq, kemm fil-Parlament Ewropew, kif ukoll ma’ entitajiet oħra tal-UE, li s-sajjieda Maltin ilhom jiġu mhedda minn sajjieda Tuneżini, bosta drabi b’konfrontazzjoni diretta u vjolenti. Fuq dak l-aspett, Bajada talab għal azzjoni bilaterali mat-Tuneżija, liema talba ġiet ikkonfermata mid-Deputat Direttur Ġenerali Koopman.

Il-MPE Thomas Bajada tenna li se jaħdem għal politika li hija bbażata fuq azzjoni diretta sabiex jittaffew sitwazzjonijiet diffiċli ffaċjati mill-Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll sabiex l-UE tirrikonoxxi dejjem aktar ir-realitajiet speċifiċi tal-poplu Malti fil-qalba tar-reġjun tal-Mediterran.

Ekonomija

Sport