Il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Oċeani, Costas Kadis, ingħaqad mal-MPE Thomas Bajada fi żjara simbolika tal-arċipelagu Malti fil-Fliegu t’Għawdex, fejn bagħat messaġġ ċar u qawwi li l-UE għandha tkun spalla ma’ spalla mas-sajjieda tagħha, kif ukoll tipproteġi l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet kostali u tal-gżejjer Stati.
Iż-żjara, li inkludiet traġitt abbord luzzu tradizzjonali mill-Kummissarju Costas Kadis flimkien ma’ sajjied Malti, kienet opportunità sabiex il-Kummissarju Kadis, jara, jħoss u jisma’ dwar ir-realtajiet ta’ kuljum tagħhom. Bi żjara lit-tlett gżejjer Maltin, li ntemmet fil-port tal-Imġarr Għawdex, il-MPE Bajada, li huwa membru tal-Kumitat tas-Sajd fil-Parlament Ewropew, seta’ juri b’mod dirett l-isfidi li jitkellem dwarhom ta’ sikwit mal-Kummissarju Kadis.
“Is-sajd huwa aktar minn professjoni”, iddikjara Thomas Bajada. “Is-sagrifiċċji u r-riskji tas-sajjieda Maltin u Għawdxin ‘l bogħod mix-xtut tagħna, għandhom rwol kruċjali fl-għalf tal-komunitajiet kostali tagħna, bi prodotti friski u lokali, filwaqt li jżommu tradizzjoni li hija parti integrali mill-identità Mediterranja tagħna”.
Matul iż-żjara, Bajada enfasizza l-ħtieġa t’appoġġ Ewropew aktar b’saħħtu għas-sajd fuq skala żgħira, “mhux biss finanzjarjament, iżda wkoll b’azzjoni tanġibbli li tissarraf f’ġustizzja għas-sajjieda” saħaq Bajada.
Semma’ fost l-oħrajn il-prattiċi minn sajjieda Tuneżini u Torok madwar Malta – li direttament jiżbilanċjaw il-kompetittività tas-sajjieda Maltin, kif ukoll is-sostennibiltà tal-istokkijiet tal-ħut. B’mod partikolari, sejjaħ għal UE li hi aktar b’saħħitha kontra operaturi minn pajjiżi terżi bi prattiċi tad-sajd mhux sostenibbili, u li ma jirrispettawx ir-regolamenti reġjonali.
Dan huwa konformi mal-ftehim storiku dwar is-sajd mhux sostenibbli li tmexxa mil-MPE Thomas Bajada bejn il-Parlament u l-Kunsill tal-UE aktar kmieni f’Ġunju, u li se jiġi vinkolanti fil-liġi Ewropea fil-ġimgħat li ġejjin, bl-approvazzjoni tal-Parlament u l-Kunsill tal-Ministri tal-UE.
Il-Kummissarju Kadis, rigward il-ftehim dwar Sajd mhux Sostenibbli, qal, “Il-ftehim riċenti tal-Unjoni Ewropea, għar-Regolament tas-Sajd mhux sostenibbli, fil-Mediterran, partikolarment il-GFCM, hija għodda addizzjonali u essenzjali sabiex tassigura li pajjiżi terzi jimxu ma’ dawn ir-regolamenti, fil-każ li l-mekkaniżmu tal-kumitat tal-Complaince tal-GFCM ma jipprovdix l-azzjonijiet neċessarji. Dan ir-regolament jerġa’ jikkonferma l-pożizzjoni b’saħħitha tal-Unjoni sabiex tasigura kundizzjonijiet ġusti bejn il-pajjiżi, fuq il-governanza u l-immaniġġjar tas-sajd.”
Iż-żjara enfasizzat ukoll prijoritajiet usa’: il-protezzjoni u r-riġenerazzjoni tal-ilmijiet stess li jsostnu r-reżiljenza tal-komunitajiet kostali u l-gżejjer – fl-isfond tal-Patt Ewropew tal-Oċejan li ġie imniedi mill-istess Kummissarju Kadis aktar kmieni f’Ġunju.
Il-Kummissarju Kadis tenna l-importanza tar-rwol tal-UE fis-salvagwardja kemm tal-ekosistemi marini, kif ukoll tal-komunitajiet kostali li jiddependu fuqhom, u saħħaħ l-impenn tal-Kummissjoni għal tranżizzjoni ġusta u sostenibbli għas-settur tas-sajd u-r-reżiljenza tal-gżejjer u komunitajiet kostali.
Il-Kumissarju Ewropew, Costas Kadis, rigward il-Patt tal-Oċean u l-Patt dwar il-Futur tal-Gżejjer, qal, “Il-Patt tal-Oċean, li ġie pprezentat f’Nizza, waqt il-Konferenza dwar l-Oċean, tal-Ġnus Maqgħuda, mill-President von der Leyen, hija strateġija komprensiva li turi l-impenn tagħna sabiex inrawmu spazju tal-oċean li huwa reżiljenti u sostenibbli. Sabiex nassiguraw l-implimentazzjoni tal-Patt tal-Oċean, hemm bżonn ħidma fil-qrib mal-istakeholders ikkonċernati, fuq kull politika relatata mas-sajd, b’din hija ta’ importanza kbira.”
Il-Kummissarju Kadis u l-MPE Bajada se jkomplu jaħdmu f’sinerġija bil-għan li jsostnu lis-sajjieda tal-Mediterran, il-gżejjer u l-ambjent marittimu.