Il-kumpanija Malta Public Transport fi stqarrija li ħarġet għamlet referenza għad-diversi artikli li bdew jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali dwar ix-xufier li f’filmat deher iwaqqaf il-karozza tal-linja li kien qed isuq biex jixtri x’jiekol.
Il-kumpanija sostniet li waqfiet mhux awtorizzati jistgħu jkunu ta’ riskju kemm għas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja, għall-passiġġieri abbord u anke għall-persuni li jkunu mexjin fit-triq.
“Għal din ir-raġuni xufiera tal-karozzi tal-linja mhumiex permessi li jħallu l-karozzi tal-linja waħedhom bil-passiġġieri abbord,” intqal fl-istqarrija. “Hija kwistjoni ta’ sigurtà. It-talba għal permess kif qed jiġi allegat, jew li x-xufier informa lill-passiġġieri, ma tagħmilx is-sitwazzjoni aktar sigura.”
Barra minn hekk, il-kumpanija qalet li l-passiġġiera għandhom dritt li jistennew li jaslu minn post għall-ieħor f’ħin raġjonevoli. “Li kieku numru żgħir ta’ sewwieqa kellhom jadottaw l-istess attitudni biex jieqfu u jixtru xi ħaġa f’nofs vjaġġ tal-karozzi tal-linja skedat u regolat, dan ifixkel b’mod sinjifikanti s-servizz tal-karozzi tal-linja u għalhekk ma jistax jitħalla għaddej,” qalet l-MPT.
“Aħna nemmnu bis-sħiħ li nipprovdu lil kull impjegat b’opportunità għal smigħ ġust, filwaqt li nqisu n-naħat kollha tal-istorja u li nipprovdulhom l-opportunità li jitgħallmu mill-iżbalji, skont is-severità ta’ kull każ individwali. Il-proċeduri dixxiplinarji huma ppreseduti minn persuna indipendenti, maħtura flimkien kemm mill-kumpanija kif ukoll mill-union li tirrappreżenta lill-impjegati. Dan jiżgura proċess ġust u imparzjali għall-impjegati kollha involuti,” qalet il-kumpanija.
Tenniet ukoll li għandha sistemi u policies fis-seħħ biex ikun żgurat li s-sewwieqa jkollhom breaks xierqa skont il-qafas tal-liġi Maltija u l-ftehimiet kollettivi.