Thursday, July 3, 2025

Il-muġugħ jgħid ajma

Aqra wkoll

Il-Partit Nazzjonalista beda l-proċess biex jaħtar Kap ġdid wara r-riżenja ta’ Dr Bernard Grech minn din il-kariga. Ninsabu fil-perjodu fejn ikun għaddej ħafna manuvrar kemm fil-beraħ u x’aktarx li aktar u aktar wara l-kwinti.

Inħoss li għandi nirrimarka li fid-diskors tiegħu lill-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħadd li għadda Bernard Grech wera bl-aktar mod ċar kemm jinsab imweġġa’. Wera li hu muġugħ. U għalhekk id-diskors tiegħu nhar il-Ħadd li għadda kien jinkludi ħafna drabi u fit-tul il-karba naturali ta’ bniedem muġugħ, ‘l-ajma’.

Mhux se nidħol fil-mertu tad-diskors ta’ Bernard Grech li matulu ta ħasla lil Roberta Metsola. U ngħiduha kif inhi, kien ħaqqha. Għax apparti li kienet webblet lill-partitarji Nazzjonalisti li hi xi Messija, minn dak li qrajna sakemm iddeċidiet li tgħid LE, Metsola riditha verġni, ħobla u tredda’.

Imma nhar il-Ħadd li għadda ma kienx hemm id-diskors ta’ Bernard Grech biss wieħed x’jomgħod fir-rigward ta’ Roberta Metsola. Kien hemm diversi, imma forsi fost l-aktar li spikkaw kienet intervista fil-gazzetta Nazzjonalista tal-Ħadd li għadda wkoll ‘Il-Mument’, ma’ Charles Bonello, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Intervista bit-titlu ’Bernard Grech wera li hu politiku kbir’. Kien hemm ukoll messaġġ tad-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg.

Nibda mill-intervista. Is-Segretarju Ġenerali ġie kwotat jgħid hekk: Bernard Grech emmen li kemm-il darba jċedi postu, seta’ dan il-Partit jiftaħ opportunitajiet ġodda lil min kien qiegħed ukoll jagħti TAMA lill-partitarji biex jekk hawn xi ħadd aħjar minnu, allura jersaq ‘il quddiem.

Irrid ngħid li l-enfasi fuq il-kelma TAMA qed nagħmilha jien. Ma kinetx miktuba b’ittri kapitali. Imma ngħidlek għala qed nagħmel din l-enfasi kollha fuqha. Għax il-kelma TAMA, imma bl-Ingliż, HOPE, kienet il-kelma li intużat fuq billboard kbir li kellha għall-kampanja elettorali tagħha Roberta Metsola għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. U ejjew ma ninħbewx wara subgħajna: in-Nazzjonalisti kellhom bokka kbira biha. Illum, wara li beżqitilhom fis-sunnara sinċerament niddubita kemm għadha kbira dik l-istima li kellhom lejha. Jien ma inlumhomx. Ħassewhom ittraduti. U nemmen li għandhom  raġun, għax meta ġiet is-siegħa tal-prova żammet lura. Kellha wisq x’titlef Brussell. U addio l-interess u  l-qalb tħabbat għall-Partit Nazzjonalista u skont huma, almenu sa dakinhar, għall-pajjiż.

Ngħaddi issa għall-kumment li għamel id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg. Li kien għalih il-proċess għall-għażla ta’ Kap ġdid għall-Partit Nazzjonalista kellu jkun pospost. Skont dan id-Deputat Nazzjonalista l-proċess huwa mgħaġġel wisq u fakkar lil sħabu li “qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel”. Imma d-Deputat Buttigieg ma waqafx hemm. Żied jappella lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li “qabel  nagħżlu l-persuna tajjeb li nagħżlu d-direzzjoni”.  

Appell bħal dan x’ifisser, jekk mhux li l-Partit Nazzjonalista jinsab bla direzzjoni? Ma jafx fejn hu sejjer. Din mhix dikjarazzjoni ta’ sempliċiment partitarju. Din hija dikjarazzjoni ta’ Membru Parlamentari li nassumi li jattendi l-laqgħat li jkollhom bħala Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Laqgħat li nifhem li matulhom tkun diskussa s-sitwazzjoni attwali tal-pajjiż. Il-pożizzjoni li għandu jieħu l-pajjiż f’tali sitwazzjoni. Nassumi li fl-istess laqgħat ikun diskuss x’għandu jkun il-kontribut fil-Parlament min-naħa tad-Deputati li jiffurmaw l-Oppożizzjoni Parlamentari.

Jekk kien hemm xi dubju f’liema stat jinsab illum il-Partit Nazzjonalista, dikjarazzjoni u appelli bħal dawn, tali dubju jneħħuh kompletament.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport