Wednesday, October 1, 2025

Il-mument li tkun trid tieqaf huwa l-mument li trid tiġġieled lil moħħok u tibqa’ għaddej akkost ta’ kollox … hemmhekk toħroġ rebbieħ’ – Shannon Ciantar

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?

Bdejt nagħmel it-taħriġ tal-Hyrox lura fl-2023 għax il-klabb li nttrenja miegħu beda jsir aktar attrezzat għal dan l-isport. Qabel, kont immur sempliċiment għall-gost, peró wara li għamilt l-ewwel tellieqa f’Cologne, il-Ġermanja, il-Hyrox sar parti integrali mir-rutina tiegħi ta’ kuljum. Tani strutttra u skop biex dejjem insir aħjar. 

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

S’issa ħadt sehem fi tliet kompetizzijiet internazzjonali u ħadt sehem f’bosta kompetizzjonijiet lokali minn The Club Hyrox League. Apparti minn hekk, ksibt xi podiums ukoll fil-ġiri, u din is-sena (2025) ħadt sehem ukoll fl-ewwel Nofs Maratona (li kienet suċċess kbir għalija għax grazzi għall-Hyrox, sirt inħobb il-ġiri u qatt ma kont nemmen li kien se jirnexxieli nagħmel 21k) peró, fil-Hyrox wieħed mill-mumenti għal qalbi huwa meta ħadt sehem f’tellieqa tal-Hyrox ma’ ommi ġewwa Valencia fi Spanja.

Ħdimna flimkien għaliha u kien mument emozzjonali meta spiċċajniha flimkien. Hemmhekk irrealizzajt li dak il-ħin li qattajna niġru flimkien u mmorru sessjonijiet flimkien, swew ta’ veru. Hemmhekk toħroġ ir- reżiljenza, għaliex il-mument li tkun trid tieqaf huwa l-mument li trid tiġġieled lil moħħok u tibqa’ għaddej akkost ta’ kollox. Hemmhekk toħroġ rebbieħ! 

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Julian Briffa?

Il-Kowċ tagħna Julian Briffa huwa kowċ uniku. Dejjem jimmotivani biex inkun aħjar. Joħloq sens ta’ għaqda u familja ġewwa l-klabb. L-għaqda li joħloq il-kowċ tinħass ħafna u ta; dan jiena grata. 

Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?

L-għarfien dwar il-Hyrox f’pajjiżna żdied u ħafna aktar individwi saru jitħarrġu f’ dan l-isport. Dan juri li f’pajjiżna għandna livell tajjeb għaliex aktar nies qed ikunu kurjużi u jieħdu sehem f’dan l-isport. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Jiena li nitħarreġ ma’ ‘The Club’, inħossni fortunata ngħid li għandna ambjent sabiħ u addattat, bl-apparat kollu li għandna bżonn. Il-kompetizzjonijiet li ħadt sehem fihom ta’ ‘The Club’, huma ta’ livell professjonali, u mqassmin kif suppost.  

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?

Għall-futur se nkompli naħdem għalija nniffsi biex intejjeb l-abbilitajiet u l-ħinijiet tiegħi. Il-Hyrox tani d-dixxiplina u nemmen li għenni nsib lili nnifsi. Allura se nibqa’ nħaddan il-valuri li ħadt minn dawn l-esperjenzi biex inkompli ntejjeb il-ħiliet tiegħi. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.

Il-Hyrox huwa sport għal kulħadd. Jogħġobni għax għalkemm mhu faċli xejn, kif tlesti xi workout jew l-aktar l-aktar xi tellieqa, tħossok li tkun trid tagħmel oħra mill-ewwel. Iħalli impatt pożittiv fuqek u nemmen li jekk hemm xi ħadd li huwa interessat imma qed iżomm lura, għandu jieħu ċans. Kulħadd għandu post f’dan l-isport! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport