“Il-mument tad-deċiżjonijiet wasal.” Hekk qal il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia f’kumment li għamel fuq il-midja soċjali b’referenza għal stħarriġ li kien ippubblikat illum.
delia tenna li r-riżultat tal-istħarriġ mhu xejn pożittiv, u minkejja li dan ittieħed fl-agħar ġimgħa għall-Partit Nazzjonalista meta numru ta’ deputati wettqu konfoffi fil-konfront tiegħu, huwa ma kienx se joqgħod jinħeba wara dan l-argument.
“Għandkhom raġun tgħidu li missni ilni li aġixxejt. Imma l-kuxjenza u d-dmir talbuni l-ewwel nagħmel ħilti kollha biex nilqa’ anke lil min ma riedni qatt,” tenna Delia.
Fl-istess waqt żied jgħid li “anke fil-PN hemm min jinteressah biss li jagħmel il-ħsara jekk ma jikkmandax hu. Li ħidmietu intiża biss biex twassal għal surveys bħal dak tal-lum.”
Delia attakka bi kliem iebes lil min qed jaħdem kontrih u kontra l-interessi tal-PN u tenna “se nkun ċar: Fil-PN m’hemmx post għal dawn in-nies. Fil-PN hemm post għal kull minn hu ta’ rieda tajba.”
Fl-istess waqt aċċenna għal jiem oħrajn turbulenti li se jkunu qed jikkaratterizzaw lill-Partit Nazzjonalista. Dan hekk kif filwaqt li ħeġġeġ biex issir bidla tant meġtieġa fil-partit, wissa li “se jattakkawna, se jipprovaw iħammġuna, se jivvintaw dwarna. Iżda le se jbeżżgħuna u wisq inqas se jintimidawna.”