Fi stqarrija l-Kurja f’Malta qalet li l-Kummissjoni tas-Safeguarding ġiet infurmata li s-soċjetà tal-MUSEUM issospendiet lil William Mark Camilleri wara li dan kien akkużat fil-Qorti u nżamm arrestat li kellem tfal permezz ta’ profili foloz fuq Facebook.
Il-Kummissjoni qalet li f’dan l-istadju, ma rċeviet l-ebda informazzjoni li tindika li saret xi offiża direttament mill-irwol ta’ Camilleri bħala katekista jew li din saret f’postijiet tal-Knisja jew tal-MUSEUM – l-akkużi li hemm bħalissa fil-Qorti jirrigwardaw biss l-użu allegat ta’ profili foloz fuq Facebook biex jagħmel kuntatt ma’ minorenni. Madanakollu l-Kummissjoni qalet li se twettaq investigazzjoni tagħha sabiex teżamina l-każ aktar fil-fond u tagħti rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Knisja.
Il-Kummissjoni għall-Ħarsien tiżgura lill-pubbliku li s-sigurtà u l-ġid ta’ tfal u persuni vulnerabbli fi ħdan l-istrutturi tal-Knisja huma prijorità ewlenija, u tħeġġeġ lil kull min għandu tħassib jew informazzjoni rilevanti biex jikkuntattja lill-Pulizija direttament jew jagħmel kuntatt mal-Kummissjoni fuq [email protected].