Wednesday, October 30, 2024

Il-mużew u ċentru kulturali kommunitarju iħabbar li ser tinfetaħ wirja mill-aqwa

Aqra wkoll

Il-mużew u ċentru kulturali kommunitarju Il-Ħaġar (Pjazza San Ġorġ fil-belt kapitali Għawdxija) hu kburi jħabbar wirja temporanja mill-aqwa li se tinfetaħ uffiċjalment mill-Ministru Clint Camilleri nhar is-Sibt 30 ta’ Lulju.

Willie Apap – Colour and Light hi retrospettiva li se toffri x’aktarx l-ikbar preżentazzjoni ta’ xogħolijiet tiegħu. Se turi b’mod ammirabbli l-ġenju u l-versatilità tiegħu: ritratti biż-żejt u l-linka, pajsaġġi u natura mejta, żeffiena, il-figura umana, opri sagri u etniċi. Willie Apap (1918-1970), li għex u ħadem fl-Italja l-biċċa l-kbira tal-ħajja adulta, kien wieħed mill-esponenti prinċipali Maltin tal-arti tas-seklu għoxrin.

Din il-wirja, akkumpanjata minn GEMS # 20 b’mitt paġna bil-kulur, għandha lil Maria Cassar bħala kuratriċi. Dil-gradwata fl-Istorja tal-Arti mill-Università ta’ Malta għamlet riċerka wiesgħa dwar Apap li wasslitha għal skoperti ġodda, li fosthom se jkunu esibiti għall-ewwel darba f’din l-okkażjoni.  

Din l-esibizzjoni eċċezzjonali ta’ sebgħin opra se tibqa’ sal-10 t’Ottubru. Il-Ħaġar għadu ma jitlobx ħlas għad-dħul billi jiddependi fuq id-donazzjonijiet. It-tmexxija tirrikonoxxi għal darb’oħra s-sapport tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex bid-Direttorat Kulturali fi ħdanu. Il-ħinijiet normali huma mid-9am sal-5pm, sebat ijiem fil-ġimgħa.

Bi preparazzjoni Il-Ħaġar se jkollu jibqa’ magħluq nhar it-Tlieta u l-Erbgħa, 26 u 27 ta’ Lulju.

Sport