Mhux il-moda tal-lum minħabba li llum nisimgħu mużika differenti, imma s-sodisfazzjon li din l-arti tal-opri toffri hu ferm ikbar
Kienet l-imħabba għal-leħen u l-opra li, sa minn età żgħira ħafna, beda litteralment jixgħel nar mużikali f’qalb it-tenur Għawdxi Angelo Muscat. Illum, f’età relattivament żgħira, huwa diġà meqjus bħala wieħed mill-aktar tenuri promettenti li ħarġet Malta fl-aħħar snin.
Dan il-ġurnal ħa l-okkażjoni sabiex insiru nafuh aħjar permezz ta’ intervista fejn aċċetta bil-qalb kollha u fejn tana aktar informazzjoni dwar il-karriera pjuttost qasira iżda ta’ suċċess tiegħu.
L-ewwel mistoqsija kienet waħda spontanja. Kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn il-mużika operistika?

“Kont għadni żgħir meta ommi u n-nanna bdew jintroduċuni għad-dinja tal-opri. Kont nitpaxxa nisma’ l-vuċijiet fuq CDs u DVDs ta’ diversi tenuri ta’ fama mondjali bħal Luciano Pavarotti, Plácido Domingo, José Carreras, Jonas Kaufmann, Juan Diego Flórez u Andrea Bocelli ,” jgħid Muscat. “Bdejt nieħu lezzjonijiet fis-sajf, u meta kelli 11-il sena ingħaqadt mal-Chorus Urbanus taħt id-direzzjoni ta’ Dr John Galea. Dak kien il-bidu ta’ vjaġġ li għadu għaddej sal-lum.”
Fl-2012, f’età tenera, Muscat diġà kien qed jagħmel kunċerti bħala solista flimkien mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali fil-Qala, Għawdex u San Ġiljan, mument kruċjali li ġab miegħu ħafna ispirazzjoni u ħeġġa.
Minn dakinhar, Angelo kompla jkabbar il-livell ta’ vuċi tiegħu u l-kapaċitajiet vokali permezz ta’ taħriġ ma’ ismijiet kbar bħas-sopran Juliette Bisazza Zanni (li ħallietna riċentement) u Dr Andriana Yordanova. Huwa kiseb il-Licentiate in Classical Singing minn Trinity College London, u f’għajnejh dan kien biss il-bidu.
Fl-2021, permezz ta’ borża ta’ studju, kompla t-taħriġ tiegħu fil-konservatorju prestiġjuż ta’ Santa Cecilia f’Ruma taħt Prof Michaela Sburlati – esperjenza li Angelo jiddeskrivi bħala “formattiva, u li fetħitli għajnejja għal livell aktar profond ta’ espressjoni artistika.”

Il-palk teatrali u dak tal-opra jidhru naturali għalih. Fost il-partijiet li għamel fit-teatru mużikali nistgħu nsemmu Sasha fil-“Fiddler on the Roof” (2017), Young Ebenezer fi’“Scrooge the Musical” (2018), u l-Kardinal Frustenberg f’mużikal dwar il-Papa Ġwanni Pawlu II (2019).
Fl-opra, id-debutt tiegħu kien bħala Parpignol f’La Bohème ta’ Puccini fl-Aurora Theatre f’Għawdex fl-2019. Aktar tard ħa sehem fil-film-opra Blat bħala Marco – l-ewwel esperjenza ta’ dan it-tip f’Malta. Fl-2021 deher ukoll fl-oratorju Gużeppi ta’ Nazaret kif ukoll fil-kunċert tal- Orkestra Filarmonika Nazzjonali fil-Katidral tal-Imdina.
“Il-palk huwa post fejn nittrasforma ruħi, fejn qisni nieħu ruħ oħra u fejn nagħti lili nnifsi kompletament għad-dinja tal-mużika operistika,” jgħid Angelo b’togħma ta’ passjoni sinċiera.
F’dawn l-aħħar snin, Angelo ħa sehem f’diversi kunċerti madwar l-Ewropa fosthom fl-Italja, l-Awstrija, il-Bulgarija u l-Ingilterra. Fl-2020, ġie magħżul bħala wieħed mill-għaxar kantanti jew aħjar tenuri minn madwar id-dinja biex jieħu sehem fl-Omega Opera Workshop f’Sofia. Hemmhekk, taħt it-taħriġ ta’ Krum Galabov u Daniela Diakova, mhux biss kabbar il-ħiliet tiegħu iżda anki ġie mfaħħar bħala talent li jista’ jsir magħruf globalment.
F’Settembru 2021, esebixxa ma’ Kaliningrad Symphony Orchestra f’kunċert f’Dubai, u sentejn wara kiseb borża ta’ studju oħra sabiex jistudja l-ġeneru Lied Ġermaniż taħt Prof Juliane Banse fil-Wolfgang Sawallisch Stiftung f’Grassau, il-Ġermanja.
Fl-istess perjodu kiseb diversi premjijiet prestiġjużi fosthom l-Audience Award fil-Royal Sound Music Competition (2021), Star Award għall-aħjar interpretazzjoni ta’ mużika Russa u t-tieni post ġenerali fil-“Stars of Albion”, ġie fit-tielet post fil-Medici International Music Competition (Londra, 2022) u saħansitra fl-ewwel post fil-kompetizzjoni “Christmas Carols & Masterpieces” fir-Rumanija (2023).
F’Ġunju tal-2023, it-tenur Għawdxi nieda l-ewwel album tiegħu, bl-isem Tama, xogħol mużikali li jġorr fih emozzjonijiet profondi u rakkont personali. L-album huwa ċiklu ta’ kanzunetti oriġinali, komposti minn John Galea u bil-lirika miktuba minn Diane Cutajar, li jirrakkonta l-vjaġġ intimu ta’ Michel Angelo, mill-adozzjoni tiegħu f’età żgħira u l-isfidi tal-familja, sal-formazzjoni tiegħu bħala kantant tal-mużika klassika.
Il-preżentazzjoni uffiċjali saret fit-Teatru Astra, fir-Rabat Għawdex, fejn Muscat esegwixxa diversi trekk mill-album inklużi “Għasfur Ċkejken”, “Il-Waqt” flimkien mal-kantanta Elaine Mercieca u “Lil Xulxin” flimkien ma’ Corazon Mizzi.
Il-wirja kienet waħda memorabbli u mimlija sens, li reġgħet tpoġġiet lil Muscat bħala wieħed mill-aktar artisti vokali promettenti fuq il-gżira.
Importanti wkoll, il-qligħ mill-album mar għall-Fond għat-Tfal lokali – inizjattiva li turi d-dedikazzjoni tiegħu mhux biss għall-arti, imma wkoll għall-komunità.
Angelo Muscat ma jaħbix id-diżappunt tiegħu lejn il-mod kif it-tenuri Maltin – speċjalment dawk part-time, kultant jiġu trattati.
“Meta jiġi xi barrani, litteralment nifirxulu t-tapit l-aħmar. U ħafna drabi jkollu livell inqas minn tagħna. Aħna mmorru, nagħtu kollox, u ma niġux imħallsa bħalma huma ħaddieħor. Min-naħa l-oħra, dan il-kantant barrani jingħata ħlas tajjeb ħafna komparat mal-ftit li ningħataw aħna. Il-fatt hemm bżonn li l-apprezzament għat-talent lokali jissaħħaħ.”
Minkejja dan, Muscat jara futur pożittiv. Meta staqsejnieh fejn jara lilu nnifsu fi żmien għaxar snin, wieġeb b’determinazzjoni: “Nittama li nkun qed naħdem barra minn Malta għalkemm se nkompli nimraħ u nistudja l-opri bħal Traviata u Boheme. Għadni żagħżugħ, għandi triq twila, imma se nkompli nistudja u nikber.”
Bħala messaġġ finali, Angelo Muscat jindirizza lill-Għawdxin u l-Maltin żgħażagħ li forsi qed jaħsbu li jidħlu fid-dinja tal-kant klassiku.
“Il-mużika klassika tieħdok f’dinja oħra. Ma tkunx il-moda tal-lum, minħabba li llum nisimgħu mużika differenti imma s-sodisfazzjon li din l-arti tal-opri toffri hu ferm ikbar.
Il-vjaġġ mhux dejjem faċli – tkun waħdek, titħabat u mhux dejjem tiġi apprezzat. Minkejja kollox, kif tkun fuq il-palk u tisma’ l-applaws sinċier, tħoss li kollox jiswa.”
Angelo Muscat illum qed jirrappreżenta lil Malta u lil Għawdex b’dinjità fuq livell internazzjonali – mhux biss bħala tenur b’vuċi eċċezzjonali, imma wkoll bħala artist li jemmen li l-passjoni, id-dixxiplina u l-umiltà huma l-veri noti ta’ suċċess!