Tuesday, January 13, 2026

Il-mużika u ż-żfin Mediterranju jisirqu x-xena waqt ‘Bodyterranean’ ġewwa t-Teatru Manoel

Aqra wkoll

Fis-7 u t-8 ta’ Frar li ġej, it-Teatru Manoel se jkun qed jilqa’ prestazzjoni artistika li fiha se jieħdu sehem grupp ta’ żeffiena Griegi u Taljani akkumpanjati minn żewġ kantanti Maltin, bl-isem ta’ Bodyterranean: spettaklu ta’ żfin dinamiku fejn l-attenzjoni prinċipali hija fuq ir-ritmu u l-moviment.

Bodyterranean hija prestazzjoni unika ta’ żfin u mużika li fiha tħaddan il-kultura u l-ġisem Mediterranju. Taħt id-direzzjoni ta’ Simone Mongelli, artist Taljan ibbażat ġewwa l-Greċja, Bodyterranean tikkonċentra fuq l-istrument mużikali l-aktar primordjali: il-ġisem uman innifsu. Hekk kif l-għanjiet tradizzjonali Griegi u oħrajn mill-Italja t’isfel jingħaqdu flimkien mal-perkussjoni u l-koreografija, dan il-grupp se jkun qiegħed juża l-ġisem u l-leħen, u se jkun qiegħed joħloq il-mużika fl-isfond tal-għanjiet permezz tagħhom biss.

Il-grupp teatrali ta’ żeffiena, flimkien mal-kantanti lokali Doreen Galea u Mariele Żammit, se jkunu qegħdin jirrakkontaw stejjer li jitrattaw il-ferħ u n-niket, l-imħabba, it-turufnament, il-maternità, u d-diversità; stejjer li jistgħu jintgħarfu u jinftehmu minn nies li ġejjin minn kultura u sfond soċjali differenti. Imneżżgħin minn kollox, għajr il-fokus fuq il-forma pura tal-ġisem u l-leħen, l-għanjiet f’din il-wirja artistika jirrakkontaw stejjer li jxejnu d-differenzi u li jitkarrbu għall-ugwaljanza u l-paċi. Deskritti bħala ħallieqa tal-‘mużika mingħajr strumenti’, Simone Mongelli u l-kast ta’ Bodyterranean ilhom iduru l-Greċja u l-Mediterran b’wirjiet varji ta’ dan ix-xow sa mill-2017. Dan il-fatt issarraf f’biċċa xogħol ta’ żfin teatrali irfinuta li tiżgura gost kemm għal dawk li jħobbu l-mużika, kif ukoll għal dawk li jħobbu ż-żfin.

Bodyterranean se tittella’ darbtejn biss; nhar is-Sibt u l-Ħadd, is-7 u t-8 ta’ Frar, fis-19:30. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn fuq is-sit elettroniku: https://teatrumanoel.mt/event/bodyterranean/ jew billi ċċempel lil Box Office tat-Teatru Manoel fuq in-numru: (+356) 21246389. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport