Tuesday, December 24, 2024

IL-PA tapprova l-proġett tal-Imsida Creek 

Aqra wkoll

Wara snin ta’ konsultazzjonijiet, diskussjonijiet u pjanar, il-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta dwar il-proġett tal-Imsida Creek illum ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar. 

Il-proġett, li l-pjanti tiegħu ġew iddisnjati mill-ġdid wara diskussjonijiet u suġġerimenti mill-imsieħba, ser jinkludi l-bini ta’ flyover ġdid li għandu l-għan li jieħu post il-junction tat-traffic lights u jaħseb għal faċilitajiet ta’ modi alternattivi ta’ vjaġġar bħaċ-ċikliżmu u l-mixi. Il-proġett ser jaħseb f’xogħlijiet ta’ tisbiħ u żoni ġodda ta’ rikreazzjoni. Infrastructure Malta ħasbet biex 60% ta’ dan il-proġett ikun dedikat għal spazji pubbliċi u ambjent pjaċevoli fiċ-ċentru ta’ din il-lokalità. 

Quddiem il-Knisja ser issir pjazza ta’ 2,200 metru kwadru, kif ukoll kanal tal-ilma b’tul ta’ 300 metru. Apparti li ser jifforma parti minn pjan biex jiġu evitati l-għargħar, il-kanal ser ikun imdawwar b’mogħdijiet aċċessibbli għall-pubbliku. 

Il-proġett jinkludi d-disinn u r-rikostruzzjoni tal-junction tat-traffic lights li tgħaqqad Triq il-Marina, Triq il-Wied tal-Imsida u Triq Mikiel Anton Vassalli, u t-tisħiħ ta’ numru ta’ junctions li jinsabu fl-inħawi u li jagħtu minn u lejn il-Gżira, Tas-Sliema u Ta’ Xbiex. Il-pjanijiet tad-disinn tat-triq ser jeliminaw il-ħin ta’ stennija ta’ traffic lights, tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar u r-riskji ta’ inċidenti. Fl-istess waqt ser jgħin biex itejjeb il-kwalità tal-arja f’dawn l-inħawi tal-Imsida u l-madwar. 

It-triq li testendi mill-parti Sa Maison fl-Imsida lejn ir-roundabout tal-Iskatepark f’Tal-Qroqq hija kruċjali u tgħaqqad il-Belt u r-reġjun tal-Port il-Kbir mar-reġjuni u t-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pajjiż. Kull siegħa, mit-traffic lights junction tal-Imsida Creek, minn u lejn il-Belt Valletta u l-lokalitajiet tal-madwar, jgħaddu iżjed minn 4,500 vettura. 

Il-flyover il-ġdida, b’tul ta’ madwar mitejn metru, ser tgħaqqad direttament Triq il-Marina ma’ Triq Mikiel Anton Vassalli. Din ser tnaqqas l-impatt tat-traffiku minn fuq iż-żoni residenzjali, l-ispazji miftuħa u l-prominad tal-Imsida. Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta ser ittejjeb il-konnessjonijiet tat-trasport pubbliku tul din ir-rotta li tintuża ħafna għal dan il-għan. Ser jinbnew bankini iktar wesgħin, b’infrastruttura segragata li taħseb għaċ-ċiklisti u għal min jimxi mad-dawra tax-xatt, li eventwalment jgħaqqdu Tal-Pietà ma’ Ta’ Xbiex u Triq il-Wied tal-Imsida. 

Il-proġett jaħseb għal konnessjonijiet siguri għaċ-ċiklisti u min jaqsam it-triq. Ser jiġi żviluppat parkeġġ għal 115-il spazju u li ser ikun mgħotti bil-pannelli solari. Il-ġnien pubbliku u ż-żoni mħaddra madwar il-proġett ser ikunu mifruxa fuq 5,500 metru kwadru. 

Il-proġett jaħseb għal sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita taħt l-art bil-għan li tiġi indirizzata l-isfida tal-għargħar, li ilha tkaxkar għal diċenji sħaħ. 

Għall-ewwel darba, is-sejħa għax-xogħlijiet fuq dan il-proġett, ikopri ftehim għal rabta ta’ għaxar snin biex isir xogħol ta’ manutenzjoni u operat. 

Dan il-proġett jifforma parti mill-impenn ta’ Infrastructure Malta biex ittejjeb il-kwalità, l-effiċjenza, is-sigurtà u s-sostenibbilità tal-infrastruttura tat-toroq, u tipprovdi l-kapaċità biex tegħleb l-isfidi preżenti u tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-futur. 

Ekonomija

Sport