Thursday, December 26, 2024

Il-PA tiċħad proposta għal imħażen kummerċjali f’żona rurali fl-Imġarr… u permess ieħor fin-Nadur

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar iddeċidiet li tirrifjuta applikazzjoni ta’ żvilupp għall-kostruzzjoni ta’ tlett imħażen kummerċjali li jinsabu barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) fi Triq Għajn Tuffieħa, limiti tal-Mġarr, Malta.

L-iżvilupp propost kellu jkopri madwar 320 metru kwadru fuq art mhux żviluppata mdawra b’art agrikola u strutturi rurali. Is-sit, li jinsab fiż-Żona ta’ Valur Għoli ta’ Pajsaġġ u Livell 3 ta’ Żona ta’ Importanza Ekoloġika (AEI), huwa protetta taħt policy tal-ippjanar immirata biex tippreserva kemm il-pajsaġġ kif ukoll l-ekoloġija taż-żona.

Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda ġustifikazzjoni suffiċjenti biex l-imħażen ikunu mibnijin fil-kampanja, peress li dan it-tip ta’ użu kummerċjali jista’ faċilment jiġi akkomodat f’żoni magħżula, bħal żoni industrijali u Areas of Containment (AoCs).

Il-policy tal-Pjan Lokali għall-Majjistral dwar il-protezzjoni tal-art agrikola (NWAG 01) tippermetti biss bini essenzjali għall-ħtiġijiet agrikoli f’żoni bħal dawn. Il-proposta għal imħażen kummerċjali mhix konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, u lanqas ma ttejjeb il-valur agrikolu tal-art.

Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll applikazzjoni oħra li talbet permess biex jinbnew żewġt istalel u faċilitajiet assoċjati, inkluż maħżen għat-tiben u kamra tat-tagħmir, viċin Wied San Blas fil-limiti tan-Nadur, Għawdex. L-iżvilupp propost huwa inkompatibbli maż-żona tal-madwar, żona li hija stmata bħala żona rurali mhux disturbata u li hija ħielsa minn strutturi simili.

Ekonomija

Sport