Applikazzjoni ta’ żvilupp proposta li fittxet li twaqqa’ dar eżistenti u tibdilha bi blokk ta’ appartamenti ta’ 4 sulari u penthouse fil-Fgura ġiet rifjutata mill-Kummissjoni tal-Ippjanar.
Minkejja li s-sit jinsab barra Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA) u l-iżvilupp propost kien konformi mal-policies tal-pjan lokali, il-Kummissjoni qalet li l-għoli tal-bini propost se jħassar b’mod definit id-dehra viżwali u urbana eżistenti madwar Pjazza Patri Redent Gauci. L-istreetscapes madwar din il-propjetà huma kollha intatti bi proprjetajiet residenzjali oħra simili li jikkontribwixxu lejn id-distinzjoni u armonija viżwali taż-żona.
Ftit ġimgħat ilu, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni simili meta rrifjutat applikazzjoni ta’ żvilupp fi Triq Santa Margerita f’Tas-Sliema. Il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li l-għoli u l-volum tal-blokk tal-appartamenti propost kienet se tikkomprometti l-istreetscape ta’ żewġ/tliet sulari filwaqt li jinħoloq ukoll blank party wall.