Friday, December 27, 2024

Il-PA u l-ERA qed isegwu x-xogħlijiet li qed isiru f’impjanti f’żona fil-limiti tas-Siġġiewi

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fl-aħħar jiem kellu laqgħa ġewwa l-binja tal-Kunsill Lokali ma’ rappreżentanza mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sabiex jsiru numru ta’ kjarifiki wara li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi preżenta konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Lulju dwar ‘xogħlijiet illegali’ li għaddejjin fi Triq Bur Ġabrun, limiti tas-Siġġiewi.

Kien fuq talba ta’ dawn iż-żewġ awtoritajiet li saret laqgħa mal-Kunsill wara li kienu esposti dawn ix-xogħlijiet f’konferenza li ssejħet ftit metri bogħod mis-sit fejn għaddejjin dawn ix-xogħlijiet.

Kemm il-PA kif ukoll l-ERA preċiżaw li fil-preżent fl-inħawi fejn għaddejjin dawn ix-xogħlijiet hemm 3 impjanti separati, b’applikazzjonijiet separati minn xulxin.
Intqal li dawn it-tliet applikazzjonijiet qegħdin jiġu segwiti b’mod kontinwu kemm mill-PA kif ukoll mill-ERA, fejn hemm numru ta’ kundizzjonijiet li jridu jintlaħqu, qabel ma jiġu eskalati aktar proċedimenti dixxiplinarji kontra l-iżviluppaturi inkwistjoni.

Iż-żewġ awtoritajiet ikkonċernati stabbilixxew time-frames speċifiċi dwar it-3 permessi li hemm fis-seħħ bħalissa li jispeċifikaw kif dawn l-operaturi għandhom ikunu konformi mar-regoli sa żmien stabbilit u dawn sakemm l-operaturi inkwistjoni jiġu konformi mal-kundizzjonijiet imponuti fuqhom mill-Awtoritajiet u dan sabiex l-operat tagħhom ma jkomplix ikun ta’ dannu għall-ambjent fis-Siġġiewi u s-saħħa taċ-ċittadini.

F’dan ir-rigward, filwaqt li l-Kunsill Lokali ħa nota ta’ din il-ħidma li għaddejja fil-preżent minn dawn iż-żewġ awtoritajiet rispettivi, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi tenna li se jkompli jsegwi b’attenzjoni kbira il-ħidma li se tkun għaddejja min-naħa tal-PA u l-ERA sabiex ikun assigurat li l-illegalitajiet ma’ jkomplux għaddejjin u b’hekk jassiguraw ambjent isbaħ u aktar b’saħħtu b’risq il-familji u r-residenti Siġġiwin.

“Il-Kunsill Lokali se jibqa’ jwettaq il-pressjoni kollha possibbli sakemm dawn l-operaturi jiġu konformi mar-regoli stabbiliti fil-permess li nħarġulhom sabiex iwettqu xogħlhom.”

Ekonomija

Sport