Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) talab lil żewġ news portals tal-aħbarijiet, The Shift News u Lovin’ Malta, biex jieħdu nota ta’ informazzjoni żbaljata li ppubblikaw dwar il-Kummissjoni Maltija tal-Films u l-Kummissarju Johann Grech.
Ir-rapporti kienu jindikaw li hemm flus li sparixxew jew li huma, skont huma, “unaccounted for” iżda evidenza ppreżentata lill-kumitat ixxejjen għalkollox il-headlines ta’ dawn il-gurnali.
Skont il-PAC, f’ebda ħin ma ntqal li kien hemm €4 miljun f’fondi pubbliċi li ma kienux “unaccounted for”. Kemm il-Film Commission kif ukoll l-Awditur Ġenerali kkonfermaw b’mod ċar li l-fondi kollha kienu filfatt accounted for, u ma kien hemm ebda somma ta’ flus nieqsa.
L-Awditur Ġenerali spjega wkoll li awditur indipendenti ivverifika kif dawn il-fondi ġew utilizzati għal investiment li kienu ivvutati għalihom, jiġifieri għal infrastruttura.
L-NAO qal li din in-nefqa ma dehritx fil-kotba tal-Kummissjoni peress li tħallsu direttament mill-Ministeru konċernat.
Il-fondi kienu relatati ma’ investiment kapitali u l-awditur indipendenti qal lil NAO li ntefqu skond l-iskop li għalihom kienu maħsuba.
Il-PAC, b’mod unanimu inkluż mill-membri tal-Oppożizzjoni, ikkonferma li l-allegazzjonijiet imsemmija kienu żbaljati u taw impressjoni żbaljata dwar l-użu ta’ dawn il-fondi.
Għalhekk, il-Kumitat se jkun qed jikkuntattja direttament lill-portals responsabbli biex jikkoreġu din l-informazzjoni u jagħtu rendikont aktar preċiż dwar il-kwistjoni.