Kemm smajna fuq paċi fl-Ukrajna u li din se sseħħ fi żmien qasir wara li Trump kellu jidħol mill-ġdid fit-tmexxija tal-Istati Uniti. Kull sforzi li saru irriżultaw fin-negattiv. Xi drabi f’kontroversji kbar.
Fost dawn kien hemm il-laqgħa li kien intemmet b’mod negattiv ħafna bejn il-President Trump u l-President Zelensky. Kull proposta li saret ma waslitx għall-paċi. Raġunijiet jista’ jkun hemm diversi. Fost dawn hemm dik li hemm min għandu interess li dan il-kunflitt jitkompla. Hemm interessi militari li sejrin tajjeb b’dan il-kunflitt. L-industrija tal-armamenti, b’dan il-kunflitt qiegħda tagħmel profitti kbar.
M’hemm ebda dubju li kull proposta għal waqfien mill-ġlied hi proposta pożittiva. Bla dubju kull proposta simili għandha tiġi aċċettata u mbuttata ‘lquddiem. Kien hemm propostai li ntlaqgħu b’ċertu kawtela mir-Russja. Dan juri li donnu iż-żewġ naħat m’għandhomx difuċja mija fil-mija fil-proposti li qegħdin isiru. Il-proposta li kienet saret ta’ waqfien mill-ġlied kienet ħassbet lir-Russja. Kienu xettiċi dwarha għax dehrilhom li din kienet intiża biss biex il-forzi Ukreni jkollhom żmien biżżejjed biex idaħħlu armamenti fl-Ukrajna. Minħabba dan il-kunflitt baqa’ għaddej.
Kellna imbagħad dikjarazzjoni minn Trump li jista’ jkun li hemm bżonn li l-kunflitt jitkompla għal ftit ieħor. Dikjarazzjoni li tħassbek. Dikjarazzjoni li m’hemm ebda dubju li warajha hemm intenzjoni. Ma’ tridtx tkun għaref wisq biex tinduna għalfejn intqal li l-kunflitt għandu jitkompla għal ftit żmien ieħor.
Proposta ta’ waqfien mill-ġlied tista’ titqies bħala l-ewwel pass biex tinkiseb il-paċi. Il-proposta iridu jkunu ġenwini. Sinċieri. Dan il-kunflitt li ilu għaddej tlett snin, issa daħal il-ġewwa sew.
Nemmnu li biex tissolva kriżi b’mod partikolari gwerra bħal din li hemm fl-Ukrajna, hemm bżonn pjan ċar ta’ kif il-kwistjoni se tkun trattata. Hemm bżonn li dak li jsir ikun b’mod ġenwin. Nemmnu li f’dan il-kunflitt biex verament naslu għall-paċi dejjiema ma jistax ikollna min jibqa’ jrewwaħ biex in-NATO u l-forzi tagħha jitpoġġew mal-fruntiera Russa. Ir-Russja dejjem kienet ċara dwar dan, għalkemm mill-pajjiżi tal-Punent ma tantx ingħata widen għal dak li kienet qiegħda ssostni ir-Russja. Nemmnu fermament li ma tistax tibqa’ tiġi imbuttata l-politika żbaljata li tagħti prijorità lis-sigurtà ta’ parti waħda fuq il-parti l-oħra. Biex verament tintlaħaq il-paċi, is-sigurtà għandha titqies bħala xi ħaġa reċiproka u ugwali. Hu prinċipju kardinali li s-sigurtà ta’ pajjiż partikolari ma tistax tinbena fuq in-nuqqas ta’ sigurtà ta’ pajjiż ieħor.
Nemmnu li biex verament tinstab il-paċi, iż-żewġ pajjiżi jridu jkunu konvinti li huma siguri. Quddiem dak li kien ilu għaddej, issa hemm bżonn politika ġdida għas-sigurtà f’dak ir-reġjun. Bħalissa jidher u dan jinħass li hemm nuqqas ta’ soluzzjonijiet. Sa issa l-uniku soluzzjoni li rajna kien li jarmaw militarment lil naħa kontra oħra. Is-soluzzjoni li ġiet imbuttata ‘quddiem kemm mill-Istati Uniti u anke mill-Unjoni Ewropea kienet dik li l-Ukrajna tiġi mgħejjuna militarment biex tirreżisti u ttawwal. Għax b’kunflitt li jitwal ifisser aktar bejgħ ta’ armi u munizzjon. Ifisser profitti akbar għall-kumpaniji tal-armi. Ifisser li pajjiżi li għandhom industriji sħaħ jipproduċu l-armi, jaraw vantaġġi ekonomiċi.
Minkejja kollox tibqa’ l-istennija għall-paċi.