Saturday, November 23, 2024

Il-padiljun ta’ Malta f’Dubai mistenni jattira nies mill-qasam tan-negozju fost il-viżitaturi

Aqra wkoll

Tlett ijiem ’il bogħod għall-ftuħ tal-Expo 2020 f’Dubaj, il-Padiljun ta’ Malta  huwa lest biex f’bejn Ottubru u Marzu 2022 jilqa’ viżitaturi minn madwar id-dinja. Il-padiljun huwa mistenni li jattira nies mill-qasam tan-negozju fost il-viżitaturi.

Waqt business breakfast organizzat mill-Malta Enterprise, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat kif permezz tad-Dubai Expo, Malta se tesebixxi dak li għandu x’jaqsam mal-ekonomija, l-edukazzjoni, l-aspett soċjali, is-saħħa, u l-ambjent.

“Din hija opportunità oħra biex tpoġġi lil pajjiżna fuq il-mappa, speċjalment wara żmien ta’ sfida li affettwat l-ekonomiji differenti madwar id-dinja. Id-Dubai Expo hija okkażjoni perfetta biex infittxu opportunitajiet ġodda, kemm għal negozji biex jaħdmu flimkien, għax-xjentisti biex jaqsmu l-ideat tagħhom, u l-innovaturi biex jiddiskutu proposti ġodda,” qalet il-Ministru Miriam Dalli lill-istakeholders preżenti.

“Se nkomplu nippromwovu n-negozji, il-kultura u  l-ħaddiema tagħna; se nkomplu ninċentivaw l-istartups, filwaqt li ninkoraġġixxu aktar kumpaniji lokali biex ikabbru l-operat tagħhom internazzjonalment u jattiraw investiment dirett barrani.”

Il-businessbreakfastkien maqsum f’żewġ panels fejn ġew diskussi t-temi ta’ Malta, “ConnectingCulturesandCreatingOpportunities”, u kif dawn jistgħu jġibu opportunitajiet ta’ investiment għad-diversi setturi tal-ekonomija Maltija.

Indirizzaw din il-konferenza b’mod virtwali l-Ambaxxatriċi Maltija għal Abu Dhabi, Maria Camilleri Calleja, u l-Kummissarju Ġenerali ta’ Malta għal EXPO 2020, Anthony Tabone.

Malta hija waħda mill-192 pajjiż li qed jipparteċipaw f’din l-Expo, permezz ta’ padiljun ġewwa l-OpportunityDistrict, li jinsab viċin l-Padiljun tal-Emirati Għarab Maqgħuda. Minħabba l-post ta’ fejn qiegħed il-Padiljun ta’ Malta, huwa stmat li diversi viżitaturi se jkunu ggwidati lejn il-Padiljun Malti.

Din hija l-ewwel Expo Dinjija li ħa ssir fir-Reġjun tal-Lvant Nofsani, l-Afrika, u l-Asja t’Isfel (ir-reġjun MEASA) u l-ewwel Expo li qed jiġi organizzat minn Nazzjon Għarbi. Id-Dubai Expo 2020 se tkun it-tielet l-akbar avveniment wara l-Olimpijadi u t-Tazza tad-Dinja.

Sport