Saturday, December 21, 2024

“IL-PAGA MINIMA TRID TIŻDIED”

Il-PM jgħid li quddiem l-isfidi, il-Gvern se jibqa' jgħin u jieħu n-naħa tan-nies

Aqra wkoll

Għaddejjin diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali bil-għan li jkun hemm żieda fil-paga minima. “Din trid tiżdied,” qal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’intervista mxandra dalgħodu fejn esprima l-ħsieb li dawn id-diskussjonijiet għandhom iwasslu għal ftehim.

Sadanittant, il-Prim Ministru tkellem dwar l-isforzi tal-Gvern biex ikun imtaffi l-impatt tal-inflazzjoni u fisser kif il-gvern se jibqa’ dejjem fuq in-naħa tan-nies. Tkellem fit-tul dwar l-inizjattivi tal-gvern biex ikunu miġġielda l-inflazzjoni u jiġu megħjuna l-ħaddiema u sostna li dawn se jibqgħu għaddejjin.

Il-Prim Ministru reġa’ tkellem dwar id-deċiżjoni strateġika li ma jiżdidux il-kontijiet tal-enerġija u li fiha l-gvern qed jinvesti mijiet ta’ miljuni ta’ ewro fis-sena. Deċiżjoni li se terġa’ tkun ikkonfermata fil-budget li ġej. 

F’kuntest ta’ sfidi internazzjonali u għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, il-Prim Ministru rriafferma kif il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għall-familji u n-negozji. Kuntrarju għal dak li tgħid l-Oppożizzjoni meta tgħid li l-prezzijiet għandhom jinbidlu mal-prezz tas-suq internazzjonali.

“Dak li ġie ssuġġerit lilna kien ikun ħafna iżjed faċli għalina biex inkunu f’pożizzjoni finanzjarja b’saħħitha li bihom nistgħu nagħmlu proġetti oħra imma ma kinitx tkun id-deċiżjoni għaqlija mal-poplu…Proteġejna lin-negozji għax ma kinux jifilħu iż-żidiet fl-enerġija iżda fl-obbligu tagħna li nipproteġu lill-konsumatur ukoll,” spjega l-Prim Ministru. 

Hawnhekk, il-Prim Ministru ġab l-eżempju ta’ fabbrika li tipproduċi l-ikel, biż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, il-probabbiltà kienet se tkun li dawk iż-żidiet jiġu riflessi fil-prezzijiet tal-prodotti li jinbiegħu għall-konsumatur. Għalhekk tenna l-importanza li nħarsu l-ħtiġijiet ta’ kulħadd.

Dwar l-inflazzjoni l-Prim Ministru qal li din hija l-isfida ewlenija tal-mument. Tkellem kif l-Oppożizzjoni ħarġet tattakka l-gvern u l-Partit Laburista għaliex sostnew li m’għandux ikun hemm abbuż li minnu jbatu n-nies. “Mal-mument li kien hemm diskursati u inizjattivi li l-gvern qed iħares lejn kif jista’ jara jekk hemmx inflazzjoni artifiċjali, partikolarment fil-prezzijiet tal-ikel… hemm kellek il-Partit Nazzjonalista li sploda. Ma nistax nifhem kif ma ħax il-pożizzjoni tal-poplu. Ma nafx x’hemm warajha,” qal il-Prim Ministru.

Budget li jindirizza r-realtajiet ta’ kulħadd

Huwa tenna li l-ħidma tal-gvern se tibqa’ tkun immarkata fil-budget għas-sena d-dieħla. “Se jkun budget ta’ Gvern li jindirizza r-realtajiet ta’ kulħadd, strateġiku, b’viżjoni u direzzjoni u bi prijoritajiet ambjentali. Budget ieħor li se juri li se nagħtu stabbiltà u l-piżijiet se jibqa’ jerfagħhom il-Gvern filwaqt li niggarantixxu li li jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies,” qal il-Prim Ministru. 

 Il-Prim Ministru spjega wkoll inizjattivi ġodda tal-gvern biex f’każ li jkunu meħtieġa ħaddiema barranin jiġu biss ħaddiema ta’ kwalità u dan fejn hemm bżonn biss.  Dwar dan semma kif il-gvern se jkun qiegħed jimplimenta riforma fis-settur turistiku fejn jekk ikun meħtieġ li jinġieb ħaddiem minn barra l-pajjiż, dan l-ewwel irid jagħmel kors biex ikun assigurat li jilħaq il-livelli meħtieġa li l-pajjiż għandu bżonn. Għax l-emfasi hi fuq il-kwalità u mhux fuq in-numri.

“Il-pass li jmiss li se jigwidana fit-tmexxija tagħna għas-settur turistiku huwa li nħarsu mhux biss lejn in-numri ta’ turisti li jiġu f’pajjiżna iżda lejn il-kwalita’ tat-turist li jżurna,” qal il-Prim Ministru li tenna kif il-gvern irid jappoġġja investiment ta’ kwalità għal dan il-għan. 

Dr Abela spjega kif għaliex konna għaqlin fil-fażi tal-irkupru ekonomiku illum nistgħu niffukaw fuq kif se nkomplu ntejjbu l-kwalita’ tat-turiżmu.

“Issa se mmorru għall-pass li jmiss. Filwaqt li sal-lum, il-ħaddiema barranin setgħu jaħdmu fl-industrija, issa, kull min irid jaħdem fis-settur tal-ospitalità ġewwa pajjiżna, se jkollu l-ħtieġa tat-taħriġ. Kors provdut mill-ITS… nemmen li din se tkun bidla radikali li tkomplu televa ‘l fuq il-prodott Malti u nemmen li se tissarraf fi kwalita’ ta’ turist aħjar,” kompla l-Prim Ministru Robert Abela li fisser kif anke min jiġi biex iġedded il-permess tiegħu jrid jgħaddi minn dan il-proċess qabel iġedded.

Il-Prim Ministru hawn reġa’ tenna li l-ħaddiema jiġu biss skont il-ħtiġijiet tal-pajjiż u mhux bl-addoċċ.

Dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru, il-Prim Ministru tenna kif aktar minn qatt qabel, konvint li din ir-riforma se tirnexxi u se tkun suċċess. “Il-kumpanija se topera b’numru ġust ta’ ħaddiema. Fuq kollox, rajna li l-ħaddiema ma jpattux tal-iżbalji li għamlu l-amministrazzjonijiet preċedentament. Ma kinitx faċli imma wasalna. Linja tal-ajru b’rotot strateġiċi u li se tħares lejn il-proftabbilta’ filwaqt li taqdi l-ħtiġijiet tal-pajjiż,” qal il-Prim Ministru.

Fiduċja fiż-żgħażagħ u rispett lejn l-għażla tal-elettorat

Fuq livell ta’ Partit, il-Prim Ministru semma wkoll kif il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li l-għeluq tagħha kien bħal-lum ġimgħa f’Dar il-Mediterran kien appuntament biex il-Partit Laburista jkompli jġedded il-politika tiegħu u l-viżjoni għas-snin li ġejjin.

Dwar it-twettiq tal-miżuri imnebbha mill-manifest elettorali Malta Flimkien, Robert Abela qal kif it-twettiq ta’ miżura oħra li ġiet imħabbra ftit tal-jiem ilu dwar kif żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18-il sena issa se jkunu jistgħu jservu fl-ogħla karigi fil-komunitajiet jekk l-elettorat jagħżel dan.

“Il-prinċipji ewlieni jibqa’ li l-kandidat li jġib l-aktar voti se jkun sindku, irrispettivament mill-kwistjoni tal-età,” żied il-Prim Ministru saħaq kif b’din il-miżura, qed nitkellmu dwar ir-rieda li nirrispettaw l-elettorat. Din hija emenda li turi kemm dan hu Gvern li għandu fiduċja fiż-żgħażagħ għaliex kull darba li ż-żgħażagħ ġew fdati bl-aqwa responsabbiltajiet, ħidmiethom issarrfet f’riżultati.

Dwar il-pjan tal-Partit Laburista li jwettaq il-proposti tal-manifest Malta Flimkien, temm b’messaġġ ċar. “Għandna miżuri b’elf proposta u rridu nagħmluhom elf kisba. It-tfassil ta’ kull miżura, kull miżura għandek ħsieb warajha. Kull ħsieb għandek prinċipji warajh. Il-prinċipji huma mibnija fuq il-bżonnijiet tan-nies.”

Ekonomija

Sport