Wednesday, December 18, 2024

“Il-pajjiż għandu bżonn kaptan li ma jibżax mill-mewġ… lest noffri l-alternattiva”

Aqra wkoll

“Dan il-pajjiż għandu bżonn kaptan li ma jibżax mill-mewġ. Għandu bżonn kaptan li jbaħħar fil-bnazzi u fil-maltemp. Allura hemm bżonn il-bidla u jiena lest noffri l-alternattiva lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.” 

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalist u Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wara li dalgħodu indirizza konferenza tal-aħbarijiet minn Marsaskala. 

Waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Grech qal: “Lil Robert Abela ngħidlu li żmien l-oppessjoni spiċċa. Il-poplu Malti nistiednu ħalli flimkien miegħu niġġieldu din l-oppressjoni. Jien anki li jiġi jibgħat id-drone fuq id-dar tiegħi ma tinkwetanix għax m’għandi xejn x’naħbi. Kieku ħabtuli konna niftħulhom il-bieb u nuruhom x’għandna. Robert Abela ngħidlu, tibqax f’oppressjoni kif jidher ċar li se jagħmel man-negozjanti tagħna.”

Grech tkellem dwar il-fatt li t-Tnejn għall-ħabta tal-4.45p.m. huwa kien infurmat mill-familja tiegħu li semgħu ħoss u raw drone jittajjar baxx fuq il-propjetà tiegħu. “Ftit minuti wara ċempilt lill-Kummissarju tal-Pulizija kif inhu obbligu tiegħi u nirringrazzjah minn hawn li ħa mill-ewwel passi u qalli li qiegħed jinvestiga,” qal Grech.

Żied jgħid: “Robert ċar jidher ċar li huwa inkwetat. Jiena m’għandi l-ebda problema. Jiena ġejt investigat. Jien għandi ċertifikat tat-taxxa li juri biċ-ċar li m’għandi l-ebda diffikultà rigward dan u allura wiċċi minn quddiem lesti inwieġeb kull domanda. Pero Abela jidher li għandu problema. Il-mument li jħossu li qiegħed f’rokna, jipprova jdawwar il-kanuni fuqi.”

Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-marina li qed tiġi proposta f’Marsaskala. Qal li l-PN dejjem kien ċar illi huma kontra dan il-proġett u li Gvern Nazzjonalista mmexxi minnu ma jagħmiilx marina f’Marsaskala għax iridu li l-poplu ta’ Marsaskala jibqa’ jgawdi l-baħar. 

Grech qal: “Issa sirna nafu li Fearne huwa wkoll kontra din il-marina. Mhux biżżejjed li jkun kontra imma għandu l-poter li jinfluwenza biex din il-marina ma ssirx.”

Temm jgħid: “Robert Abela għandu għażla jekk hux se jaqbel ma’ Ian Borg u jibqa’ għaddej romblu fuq ras kulħadd jew hux se jagħti kas lid-Deputat Prim Ministru. Robert Abela u l-Gvern Laburista huwa ċar li f’dan is-sens għandu qasma. Dawn kontinwament bil-u-turns. Allura aħna nibqgħu mal-poplu ta’ Marsaskala, mal-poplu Malti u Għawdxi, flimkien mal-NGOs biex il-marina f’Marsaskala ma ssirx.

Ekonomija

Sport