Sigħat wara li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li pajjiżu se jkun qiegħed jieħu kontroll tal-Medda ta’ Gaża, diversi pajjiżi ħarġu jikkundannaw dan kollu fejn kien hemm minnhom li qalu li mhux se jaċċettaw qatt li dan issir.
Mahmoud Abbas, il-President Palestinjan qal li qatt ma jista’ jkun li l-Istati Uniti tieħu kontroll ta’ Gaża u 2.1 miljun Palestinjan jintbgħatu f’żoni oħrajn madwar id-dinja.
“Mhux se nkunu qegħdin inċaħħdu d-dritt li l-Palestinjani jgħixu fil-Medda ta’ Gaża. Din iż-żona hija parti mit-territorju Palestinjan u jekk dawn il-miljuni ta’ persuni jkunu qegħdin jitkeċċew minn din iż-żona allura tkun qiegħda tinkiser il-liġi internazzjonali,” qal il-President Abbas.
Min-naħa tagħhom il-grupp Hamas li għal 15-il xahar sħaħ kienu fi gwerra ma’ Iżrael qalu li bid-dikjarazzjoni ta’ Trump inħoloq aktar inkwiet.
Intant diversi pajjiżi Għarab ukoll mhux qegħdin jaqblu ma’ din il-proposta fuq quddiem nett hemm il-Ġordan u l-Eġittu li huma alleati tal-Istati Uniti. Anke l-Ġnus Magħquda ħarġet twissija li jekk dan iseħħ tkun qiegħda tinkiser il-liġi internazzjonali.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres qal li Gaża hija parti integrali mill-Istat Palestinjan u allura r-residenti qatt ma jistgħu jitkeċċew minn hemm.
L-Arabja Sawdita qalet li l-Palestinjani mhux se jkunu qegħdin jitħarku minn din l-art.
Iżda min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Iżraelit Benjamin Netanyahu li fuqu hemm mandatt ta’ arrest internazzjonali qal li l-proposta tal-President Trump se tkun qiegħda tbiddel l-istorja u wieħed irid “jikkonsidra bis-serjetà din il-proposta.”
Fi kjarifika li ħarġet il-White House intqal li r-residenti ta’ Gaża se jkunu qegħdin imorru jgħixu f’pajjiż ieħor b’mod temporanju sakemm l-Istati Uniti teġa’ tibni din iż-żona. Qalet ukoll li Trump qatt ma qal li jinsab ċert li se jkun qiegħed jingħat it-truppi tiegħu biex ikeċċu lin-nies mill-Medda ta’ Gaża.