Saturday, November 23, 2024

“Il-pandemija ħarġet effetti li aħna ridna nindirizzawhom”

Aqra wkoll

Il-GWU kemm f’dan il-budget kif ukoll f’dawk preċendenti pproponiet diversi miżuri biex nilqgħu u nfasslu d-dinja tax-xogħol ġdida

Minn Maria Azzopardi, Filmat ALAN SALIBA

YouTube video

Waqt konferenza nazzjonali dwar il-liġi tax-xogħol, fejn it-tema ewlenija kienet il-futur fil-qasam tax-xogħol, il-President tal-GWU Victor Carachi, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri pparteċipaw f’diversi workshops fejn fost l-oħrajn ġie diskuss proprju l-futur tad-dinja tax-xogħol u l-forom ġodda ta’ xogħol li kollha qed iseħħu bħalissa.

F’kummenti ma’ Inewsmalta is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja qal li l-GWU kemm f’dan il-budget kif ukoll fil-budgets preċedenti pproponiet diversi miżuri biex nilqgħu u nfasslu d-dinja tax-xogħol ġdida li qegħdin naraw iseħħ. 

Bugeja qal li l-pandemija għaġġlet dan il-proċess imma dan il-proċess kien diġà beda u aħna ma rridux norbtu ċertu tibdil fid-dinja tax-xogħol mal-pandemija. Żied jgħid iżda li l-pandemija ħarġet ukoll effetti li riedu jindirizzawhom fosthom waħda mill-proposti li l-GWU għamlet f’dan il-budget u li kienet diskussa fir-raba’ workshop dwar fond li jsir minn kull post tax-xogħol biex f’każ ta’ emerġenza nazzjonali, bħalma kienet il-pandemija, ikun hemm garantiti għal numru ta’ xhur persentaġġ ta’ paga. 

YouTube video

Bugeja qal: “Aħna bdejna ngħidu bejn 70 u 80% tal-paga għal perjodu ta’ xhur biex aħna jkollna moħħna mistrieħ li l-post tax-xogħol qed jilqa’ għal kull sforz li jsir, imbagħad ħalli jidħol il-gvern. Ma kienx ġust li wara seba’ snin li Malta dejjem b’surplus f’daqqa waħda min iħaddem beda jgħid li jekk mhux se jgħin il-gvern se jkeċċu lil kulħadd. Allura rridu nagħmlu dik ir-riżerva biex nilqgħu.”

Fil-workshops l-oħrajn li saru waqt il-konferenza, li l-GWU kienet irrappreżentata fl-erba’ li huma, rappreżentanti tal-GWU ddiskutew it-tibdil meħtieġ li jsir mat-tribunal industrijali biex dejjem inkunu mexjin mal-milja taż-żmien, dwar il-futur tad-dinja tax-xogħol u l-forom ġodda ta’ xogħol li kollha qed iseħħu bħalissa. 

F’dan ir-rigward, Bugeja qal: “Qegħdin nitkellmu fuq it-teleworking, il-kundizzjonijiet tax-xogħol li għandu jkun hemm, kif se nilqgħu għaliha u kif dak kollu li ntrebaħ matul iż-żminijiet mill-ħaddiema jibqa’ jgħodd u jibqa’ attwat. Bħala eżempju, jekk jiena qed naħdem mid-dar, il-kundizzjonijiet kollha li hemm mal-ħin tax-xogħol, għandhom jiġu hemmhekk fosthom ir-right to disconnect, l-40 sigħat ta’ xogħol, is-saħħa u s-sigurtà, l-allowances u wkoll li allavolja qed taħdem mid-dar, dik xorta tibqa’ d-dar allura aħna rridu naraw li tiġi mkejla l-effiċjenza u l-produttività tal-persuna imma mhux il-persuna. Dan ifisser li mingħajr ma nkunu evażivi u mingħajr ma’ nidħlu fil-ħajja privata tal-individwu.”

Abela: Pajjiżna qed jikseb riżultati pożittivi ħafna anke fejn għandu x’jaqsam il-ħolqien tax-xogħol

Fl-indirizz tiegħu l-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li l-futur diġà jinsab magħna u nagħmlu żball jekk ma nirrikonoxxux dan li jfisser li hemm ċertu urġenza fl-azzjonijiet tagħna.

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, il-Ministru Abela qal li l-futur tax-xogħol huwa xi ħaġa flessibbli ħafna fis-sens li jiddependi mill-opportunitajiet li l-pajjiż jirnexxielu joħloq pero importanti wkoll li jkollok qafas leġislattiv li jgħin li permezz tiegħu jkollok investiment imma fl-istess ħin iħares u jiddefendi l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Il-Ministru Abela qal: “Hawnhekk nara kemm il-ħaddiema u kemm min iħaddem huma alleati ta’ xulxin. Naturalment il-gvern jilgħab parti importanti wkoll li jqarreb iż-żewġ naħat lejn xulxin, jiġifieri min iħaddem u l-ħaddiema, għax fl-aħħar mill-aħħar aħna t-tlieta parti mis-sħab soċjali f’pajjiżna. Għalhekk huwa importanti li jkollna djalogu soċjali u jkollna d-diskussjonijiet b’saħħithom. Jekk naraw li minn dak li għaddejna fl-aħħar xhur, id-djalogu soċjali b’mod kontinwu u b’mod miftuħ u onest, irnexxielna nsalvaw eluf ta’ impjiegi f’pajjiżna. “

Żied jgħid li dan nistgħu narawh mill-istatistika li tippubblika l-istess Unjoni Ewropea fejn tixhed li pajjiżna qed jikseb riżultati pożittivi ħafna f’pandemija fejn għandu x’jaqsam anke l-ħolqien tax-xogħol. Il-Ministru Abela qal: “Nara li għandna nkunu ottimisti għal dak li ġej u naturalment il-futur tax-xogħol apparti li jiddependi fuq il-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ġodda, jiddependi wkoll fuq kemm ikollna rispett lejn xulxin u kemm il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem jiġu rispettati.”

Abela: Filwaqt li l-ħaddiema għandhom ir-responsabiltajiet għandhom ukoll id-drittijiet tagħhom

F’dinja tax-xogħol li kulma jmur qed issir aktar diġitalizzata qed iwassal biex jinħolqu impjiegi ġodda. Mistoqsi jekk dawn il-forom ta’ xogħol ġodda għandhomx ikunu regolarizzati aħjar, il-Ministru Abela qal li għandu jsir huwa li naturalment nagħmlu l-almu kollu tagħna biex noħolqu dawn l-opportunitajiet, inkomplu noħolquhom u li ma nibżgħux mill-bidla. Huwa qal: “L-ekonomija diġitali tista’ ġġib bidla fil-mod ta’ kif aħna naħdmu, tista’ ġġib bidla ukoll fil-post tax-xogħol tagħna li jkollna nbiddlu l-post tax-xogħol, allura l-ħtieġa ta’ edukazzjoni u taħriġ biex ikollhom il-ħiliet u l-għodda meħtieġa.”

Żied jgħid li: “Bħal kull post tax-xogħol huwa importanti li nissalvagwardjaw l-interessi tal-ħaddiema u li l-ħaddiema jiġu salvagwardjati anke bil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Allura rrispettivament jekk hux l-ekonomija diġitali jew xi tip ta’ xogħol ieħor, dak li jgħaqqad dan kollu huwa li aħna niddefendu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħna b’kull mod billi naraw li filwaqt li l-ħaddiema għandhom ir-responsabiltajiet fuq il-post tax-xogħol tagħhom, pero għandhom ukoll id-drittijiet tagħhom. Jekk aħna nżewġu dawn il-kunċetti flimkien ċertament li għandna nkomplu nifjorixxu bħala pajjiż anke fejn għandu x’jaqsam il-ħolqien ta’ impjiegi.”

Sport