Friday, November 15, 2024

“Il-pandemija offriet sfidi ġodda … wara tazza ħalib FRISKA hemm ħidma minn dlam sa dlam” – Michelle Azzopardi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-pandemija qiegħda tkompli tħalli l-effetti tagħha fuq ħafna nies madwar id-dinja. Il-gvern Malti qed ikompli juri s-sostenn mal-poplu tagħna u grazzi għal xi miżuri, il-ħsieb hu li jkun hemm bilanċ bejn is-saħħa tan-nies u l-ekonomija tal-pajjiż.

Wieħed mis-setturi milqutin f’dawn l-aħħar xhur kien is-settur tal-ħalib. Minħabba li forsi “il-bwiet bdew jingħafsu xi ftit”, sfida li żdiedet mal-isfidi li r-raħħala Maltin kellhom jaffaċċjaw fl-aħħar snin, fosthom il-kompetizzjoni ma’ prodotti barranin, fl-aħħar ġranet l-bejgħ tal-prodotti lokali naqas.

Dwar din is-sitwazzjoni tkellmet Michelle Azzopardi, raħħala ta’ 28 sena li xtaqet tgħid kelma dwar biex tiftaħ għajnejn “dawk li għadhom ma jifhmux eżatt il-ħidma kontinwa tal-bdiewa u r-raħħala lokali.

Azzopardi spjegat li għal min qatt ma rifes f’razzett żgur li ma jifhimx il-proċess twil li hemm wara dik il-kartuna tal-ħalib friska li tinstab fil-friġġ sa minn qabel is-sebħ fil-ħwienet u l-istabbilimenti tal-ikel madwar il-pajjiż kollu.

Ir-raħħala żiedet tgħid li minn meta pajjiżna daħal fl-Unjoni Ewropea, il-bdiewa u r-raħħala, bħal diversi setturi oħrajn, kellhom jgħaddu minn proċess sħiħ biex jiġu konformi mal-liġijiet. “Sfortunatament minn ma setax jirranġa, kellu jżarma għax il-flejjes wara tali mmodernizzar kienu akbar minn kemm setgħu jifilħu numru ta’ raħħala żgħar. 

Minbarra din l-isfida li ngħelbet mir-raħħala li felħu, anke b’fondi li ġew mill-istess Unjoni Ewropea, ir-raħħala kompliet tagħti aktar dettalji dwar il-ħajja tagħhom fir-razzett li tiddeskriviha bħala waħda minn “dlam sa dlam”.

Azzopardi spjegat li min irabbi kelb jew qattus, jista’ jifhem ir-rabta, aħseb u ara dawn in-nies li jieħdu ħsieb merħla sħiħa u jaraw li l-ebda bhima ma jkun jonqosha xejn.

Finalment hija temmet tappella lill-Maltin u l-Għawdxin biex jiftakru dwar kemm kien hawn tħassib meta faqqgħet il-pandemija, b’dawk li jrabbu l-annimali bdew iħabbtu rashom kif se jkollhom l-għalf neċessarju f’każ li tieqaf l-importazzjoni minn barra. Azzopardi appellat lill-poplu kollu “apprezzaw li wara dik it-tazza ħalib friska u lokali hemm ħidma u sagrifiċċju kbir tar-raħħala li tant jaħdmu b’dedikazzjoni li ħafna minnhom iħallu saħħithom fl-istess razzet”.

Ekonomija

Sport